It-tnax-il edizzjoni tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed se tittella’ l-Ħamis 24, il-Ġimgħa 25, u s-Sibt 26 ta’ Awwissu, fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta, fit-8.00pm, bis-sehem ta’ awturi ewlenin minn tmien pajjiżi, fosthom ir-rumanziera minn Myanmar Ma Thida u l-awturi ewlenin Maltin Immanuel Mifsud u Alfred Sant.
Minbarra l-qari ta’ novelli u poeżiji minn 12-il awtur u awtriċi differenti minn tmien pajjiżi, se jkun hemm mużika, kotba għall-bejgħ, films tal-poeżija Maltin u barranin, illegar artiġjanali tal-kotba, xorb u ikel magħmul mill-ħanut Ġugar.
L-awturi kollha mistiedna għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival huma John Aquilina (Ir-Renju Unit/Malta), Asja Bakić (il-Bosnja Ħerżegovina), Mourid Barghouti (il-Palestina), Lilia Ben Romdhane (it-Tuneżija), Mark Camilleri (Malta), Immanuel Mifsud (Malta), Jean Portante (il-Lussemburgu), Alfred Sant (Malta), Zoë Skoulding (Wales), Ma Thida (Myanmar), Arvis Viguls (il-Latvja), u Gjoko Zdraveski (ir-Repubblika tal-Maċedonja).
Il-qari se jkun l-aktar bil-Malti u bl-Ingliż, imma jinqraw ukoll xi xogħlijiet bil-lingwa oriġinali.
Il-Programm tal-Festival
Il-Ħamis 24 ta’ Awwissu:
- John Aquilina
- Lilia Ben Romdhane
- Gjoko Zdraveski
- Alfred Sant (intervistat mill-kittieb u t-traduttur Mark Vella)
- Tnedija ta’ 2 films tal-poeżija Maltin ikkummissjonati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed, ippreżentati minn Kenneth Scicluna – xogħol minn Nicky Aquilina u Lyanne Mifsud b’rappreżentazzjoni tax-xogħol ta’ Maria Grech Ganado “Relazzjoni”
- Kitarrist tal-jazz Sandro Zerafa u l-bassist Oliver Degabriele
Il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu:
- Mark Camilleri
- Jean Portante
- Asja Bakić
- Mourid Barghouti (intervistat minn Norbert Bugeja)
- Tnedija ta’ 2 films tal-poeżija Maltin ikkummissjonati mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed, ippreżentati minn Kenneth Scicluna
- John Bartolo fuq id-drums u Jimmy Bartolo (Brikkuni) fuq il-kitarra
Is-Sibt 26 ta’ Awwissu:
- Zoë Skoulding
- Immanuel Mifsud
- Ma Thida (intervistata minn Clare Azzopardi)
- Film tal-poeżija barrani u mużika lajv minn John Bartolo fuq id-drums u Jimmy Bartolo (Brikkuni) fuq il-kitarra
Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd jista’ jattendi. Xi kitbiet jistgħu jkunu maħsuba għal udjenza matura.
Ħames attivitajiet ta’ qabel il-Festival
Bħala parti mill-preparamenti għall-Festival, Inizjamed qed tippreżenta ħames attivitajiet speċjali. Dawn l-attivitajiet huma b’xejn u kulħadd huwa mistieden li jattendi. L-attivitajiet jibdew il-Ħadd 21 ta’ Awwissu u jibqgħu għaddejjin sas-Sibt 26 ta’ Awwissu.
Fil-ġimgħat ta’ qabel il-Festival, attivitajiet letterarji oħra li jinvolvu l-kittieba Maltin se jkunu qed iseħħu f’Għawdex, f’dar tal-mistrieħ u fi skola tas-sajf.
It-traduzzjoni tax-xogħol ta’ xulxin
Il-kittieba se jkunu f’Malta matul il-ġimgħa tal-festival biex jieħdu sehem fil-Malta LAF Literary Translation Workshop immexxi minn Keith Borg u Nadia Mifsud. Se jkunu qed jittraduċu x-xogħol ta’ xulxin, u jaqraw uħud mit-traduzzjonijiet matul il-festival.
L-edizzjoni tal-2017 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta u l-workshop tat-traduzzjoni LAF qed jittellgħu bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta 2018, tal-Kunsill Malti għall-Arti, Heritage Malta, l-Għaqda tal-Malti – Università u The Fortress Builders – Fortifications Interpretation Centre. Dan il-Festival ingħata rikonoxximent internazzjonali permezz tat-timbru EFFE Europe for Festivals, Festivals for Europe.
Il-Festival jinsab fuq Facebook u fuq inizjamedmalta.wordpress.com.