Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li jittella’ kull sena, huwa l-aktar avveniment importanti fejn għandhom x’jaqsmu l-kotba fil-kalendarju Malti. L-attività jattendu għaliha madwar 30,00 ruħ u tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 40 esibitur. Il-programm kulturali jinkludi aktar minn 50 attività fosthom tnedija ta’ kotba, preżentazzjonijiet ta’ kotba, qari ta’ poeżiji, laqgħat mal-awturi, konferenzi u seminars.
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb isir f’dak li kien l-isptar l-antik, issa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Evolva mill-Fiera tal-Kotba Nazzjonali, li saret għall-ewwel darba fl-1979, għal festival li jiċċelebra l-kultura tal-ktieb u li jfittex li jirrappreżenta l-ktieb fl-aspetti kollha tiegħu – mhux biss bħala oġġett li wieħed jikkunsmah, iżda bħala xi ħaġa li tinvolvi lill-qarrej lil hinn mill-konfini tal-ktieb.
Il-Festival wessa’ l-ambitu tiegħu kemm f’termini ta’ parteċipazzjoni kif ukoll bħala attività kulturali. Il-ġranet ta’ filgħodu fost il-ġimgħa huma maħsuba għat-tfal tal-iskola u l-istudenti, u programm ta’ attivitajiet speċjali jiġi ppreparat għalihom.
Din is-sena l-Festival se jsir fuq ħamest ijiem u jibda nhar l-Erbgħa 7 ta’ Novembru u jiġi fi tmiemu l-Ħadd 11 ta’ Novembru. Se jkun hemm żewġ swali fi ħdan Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta – La Sacra Infermeria se tospita pubblikaturi, NGOs u libreriji (kemm lokali kif ukoll barranin), filwaqt li bejjiegħa tal-kotba u ħwienet tal-kotba se jkunu ospitati fil-La Vallette Hall.