It-tenur ibbażat Londra Cliff Zammit Stevens huwa wieħed mill-aktar esportazzjonijiet magħrufin u mogħnija b’talent fid-dinja tal-opra li qatt ħarġu minn Malta.

Tul il-karriera tiegħu, li għalkemm għadha fil-bidu diġà rat suċċessi kbar, huwa kanta quddiem il-Maestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta II kif ukoll fir-Royal Albert Hall f’Londra, tul master class ta’ Robert Sutherland (awtur ta’ Maria Callas: Diaries of a Friendship), fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru hawn Malta u anke maġenb Joseph Calleja u Anastacia.

Issa reġa’ wasal il-waqt li jirritorna Malta għat-tmien kunċert tiegħu bħala solist li huwa jagħti kull sena fi gżiritna: Il-Kunċert ta’ Cliff Zammit Stevens għall-2016 – Miġjub lilkom minn InterContinental Malta. Għall-kunċert tal-2016 Cliff reġa’ għażel Pjazza Teatru Rjal bl-appoġġ tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta. Talent kbir ieħor, is-sopran Maltija Nicola Said, ser tingħaqad ukoll ma’ Cliff għal dan il-kunċert. L-Orkestra ser tkun immexxija mill-Mro Philip Walsh. Il-programm ser ivarja minn Mozart għal Tchaikovsky u Verdi, u ser jinkludi siltiet minn diversi opri, siltiet orkestrali u siltiet solisti u dwetti, kemm magħrufin kif ukoll inqas magħrufin.

Il-biljetti għall-kunċert huma disponibbli minn www.ticketline.com.mt.

Il-Kunċert ta’ Cliff Zammit Stevens għall-2016 – Miġjub lilkom minn InterContinental Malta huwa t-tmien kunċert solist ta’ Cliff. Dan ser isir fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta, nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru.

Dan l-ispettaklu għandu l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u s-sapport ta’ InterContinental Malta, BOV, MTA, XFM, WriteMeAnything.com, Nescafe u The Wembley Store.

Għal iżjed tagħrif fuq Cliff żur is-sit elettroniku www.cliffzammitstevens.com.