Il-ħames edizzjoni tal-Malta International Organ Festival se jittella’ bejn il-15 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru 2018.

Matul dan il-festival ser nisimgħu wħud mill-aqwa siltiet mużikali li qatt inkitbu għar-Re tal-Istrumenti – l-orgni. Dawn is-siltiet ser jinġiebu lilna fil-knejjes u fil-katidrali tagħna permezz ta’ mużiċisti primi u magħrufa mad-dinja kollha.

Il-patrimonju kulturali spiss jiġi strettament assoċjat mal-mużewijiet u mas-siti arkeoloġiċi. B’danakollu Malta għandha assi ta’ patrimonju kulturali ferm usa’, fosthom il-mużika, il-knejjes kif ukoll il-katidrali.

Il-bini ta’ Malta moderna beda mal-miġja tal-Kavallieri, b’mod speċjali wara tmiem l-Assedju l-Kbir tal-1565. Minn hemm ’l hemm il-pajsaġġ tal-arċipelagu, li ftit li xejn kien għadda minn kambjamenti, inbidel b’mod li ma jingħarafx minn żmien il-prejstorja. Inbnew il-fortifikazzjonijiet u postijiet mill-isbaħ mentri żviluppa wkoll netwerk ta’ bliet u villaġġi żgħar – ilkoll kemm huma bi knisja fil-qalba tagħhom.

Dawn il-bliet u l-villaġġi żgħar illum isawru ċ-ċentru storiku tal-pajsaġġ urban tal-arċipelagu Malti. Bosta minnhom ser jospitaw il-Malta International Organ Festival. L-arti dejjem lagħbet rwol kbir fil-kultura Maltija, u għaldaqstant l-organizzaturi għandhom l-għan li l-programm rikk li tfassal għal din l-okkażjoni jservi ta’ appoġġ għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ dan l-avveniment li issa sar parti regolari mill-kalendarju kulturali Malti.

Għal programm dettaljat, żur din il-ħolqa. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-ħolqa t’hawn taħt jew mill-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta.