Ir-reġistrazzjoni għall-konferenza tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Cities as Community Spaces li ser issir bejn it-23 u l-25 ta’ Novembru 2016 ser tagħlaq fil-31 ta’ Ottubru. Il-Konferenza ser tesplora n-nozzjoni tal-potenzjal li għandhom l-ispazji komunitarji fit-trasformazzjoni tal-bliet u tal-ħajja ta’ kuljum tar-residenti tagħhom.
Din il-konferenza ser tlaqqa’ flimkien esperti f’diversi oqsma bħall-urbaniżmu, l-arti, il-midja diġitali, il-ħidma komunitarja u t-teorija kritika biex jiddiskutu r-rwol dejjem jevovli tal-ispazju pubbliku u l-modi kif gruppi komunitarji differenti jużaw l-ambjent urban tagħhom fl-espressjoni kreattiva, politika u komunitarja tagħhom.
Il-kelliema saljenti tal-konferenza jinkludu l-awtur, l-editur u l-flanur urban Shawn Micallef, l-urbanist u l-ko-fundatur tal-Urban Institute (Riga) Jonas Būchel, l-artist Tania El Khoury, il-fundaturi tal-Open Works Lab Giuliana Fenech u Renzo Spiteri, il-ko-fundatur ta’ Yes We Camp Nicolas Détrie, l-urbanist Christian Dimmer u s-soċjologu kulturali Paolo Gerbaudo.
Il-konferenza ser tinkludi wkoll sensiela ta’ sessjonijiet paralleli li ser jippermettu li għadd ta’ riċerkaturi mid-dinja kollha jistħarrġu l-fenomenu tal-interazzjoni urbana minn firxa vasta ta’ perspettivi. Dawn is-sessjonijiet paralleli ser jiddiskutu diversi temi, fosthom ir-reġenerazzjoni komunitarja, l-interazzjoni bejn l-ispazju fiżiku u l-ispazju virtwali, l-użu tal-ispazju pubbliku għall-protesti u l-kontestazzjonijiet kif ukoll l-użu tal-ispazju għall-espressjoni kreattiva.
Il-konferenza ser tinkludi wkoll bosta sessjonijiet ta’ taħdit u dibattitti li ser jagħtu spazju lill-parteċipanti li jinteraġixxu u jipparteċipaw b’mod attiv fl-avveniment. Barra dan, ser ikun hemm ukoll programm soċjali kumplimentarju li ser jagħti l-opportunità lid-delagati tal-konferenza biex jesploraw it-temi tal-konferenza u l-ispazji komunitarji Beltin permezz ta’ preżentazzjonijiet artistiċi, fosthom bl-istallazzjoni awdjo-viżiva tal-artista Libaniża Tania El Khoury Stories of Refuge, li tirrakkonta l-istorja ta’ tliet refuġjati Sirjani li ħarbu mis-Sirja biex ifittxu ażil fi Munich, il-wirja immersiva Quintessence tal-kompożitur Malti Renzo Spiteri u diversi wirjiet ta’ films qosra.
Il-konferenza ser issir f’bosta spazji komunitarji fil-Belt Valletta, fosthom fil-King’s Own Band Club li ser jospita s-sessjoni prinċipali.
Biex tikseb iżjed tagħrif dwar ir-reġistrazzjoni tista’ żżur is-sit elettroniku http://conference.valletta2018.org. Ir-reġistrazzjoni ser tagħlaq fil-31 ta’ Ottubru 2016.
Għal aktar dettalji kkuntattja lill-Fondazzjoni Valletta 2018 fuq in-numru 2124 2018 jew ibgħat email fuq [email protected].