It-Teatru Astra għadu kif ħabbar l-aħħar inizjattiva edukattiva tiegħu Behind the Opera Curtain – workshop li jippreżenta d-diretturi artistiċi u mużikali tal-produzzjoni operistika ġejjiena tiegħu AIDA. Dan il-workshop, li huwa maħsub għas-segwaċi tal-opra u għall-patruni tat-Teatru Astra, għall-kantanti u għall-istudenti, ser isir fl-iStudio Theatre tat-Teatru Manoel nhar it-Tnejn 17 ta’ Ottubru 2016.
Id-direttur artistiku Enrico Stinchelli u d-direttur mużikali Joseph Vella ser jaqsmu mal-parteċipanti l-veduti tagħhom dwar il-produzzjoni AIDA. Il-workshop ser jenfasizza wkoll l-esperjenzi ta’ għadd ta’ koristi li jieħdu sehem fil-kor operistiku magħruf Chorus taħt it-tmexxija ta’ Dr Maria Frendo. Enrico Stinchelli, li huwa espert fl-istorja tal-opra u tar-reġistrazzjonijiet klassiċi, ser jitkellem dwar il-produzzjonijiet ta’ AIDA tal-imgħoddi u ser jidentifika diversi interpretazzjonijiet notevoli li jistgħu jinteressaw lill-udjenza.
Il-produzzjoni AIDA tagħmel parti mill-15-il edizzjoni tal-proġett singulari Festival Mediterranenea – l-uniku festival tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin li jlaqqa’ flimkien l-arti serja mal-produzzjoni ta’ opra Taljana flimkien ma’ influwenzi tradizzjonali. AIDA tgawdi l-appoġġ tal-Gozo Cultural Support Programme.
It-Teatru Manoel għandu tradizzjoni twila ta’ produzzjonijiet operistiċi. Fost oħrajn, f’dawn l-aħħar snin ippreżenta Dido and Aeneas ta’ Henry Purcell u Orpheus in the Underworld ta’ Jacques Offenbach. Dawn il-proġetti ttellgħu bil-kollaborazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u tat-Teatru Manoel Youth Opera.
Il-workshop Behind the Opera Curtain għandu wkoll l-appoġġ tal-Bank of Valletta u tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Id-dħul huwa b’xejn iżda dawk interessati għandhom jirriżervaw l-attendenza tagħhom kemm jista’ jkun malajr. Biex tirriżerva post jew biex tikseb iżjed informazzjoni żur is-siti elettroniċi www.teatrumanoel.com.mt u www.teatruastra.org.mt jew ibgħat email fuq [email protected].