‘L-Artist bħala Eroj’ hija t-tema magħżula għall-ħames edizzjoni tat-Three Palaces Festival, li jfittex li “jiffoka fuq il-kontribuzzjoni ta’ mużiċisti u kompożituri straordinarji,” qal id-direttur artistiku tal-festival għat-tieni sena konsekuttiva Peter Manning, waqt konferenza stampa li waqtha tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival.
It-Three Palaces Festival, li se jsir bejn it-3 u t-12 ta’ Novembru 2017, għal darb’oħra se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ artisti ta’ talent eċċezzjonali minn madwar id-dinja. Dawn l-artisti magħrufa se jtellgħu kunċerti fl-isfond ta’ tliet palazzi sbieħ Barokki Maltin – il-Palazz ta’ San Snton, il-Palazz Verdala u l-Palazz tal-Gran Mastru – flimkien mal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, belt ta’ Wirt Dinji. Mibnija fi żmien il-kavallieri ta’ San Ġwann, dawn il-binjiet storiċi laqgħu ħafna dinjitari u maż-żmien kellhom bosta funzjonijiet importanti. Illum se jkomplu jwettqu rwol importanti ieħor – dak li jiġbru lin-nies flimkien bħala komunità biex jesperjenzaw mużika ta’ kwalità eċċezzjonali.
Andrew Von Oeyen, pjanista Amerkikan li ta kunċerti fl-aqwa swali tal-kunċerti madwar id-dinja, se jiftaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival b’kunċert ta’ mużika ta’ wħud mill-aqwa kompożituri Ewropej fosthom Mozart, Brahms, Liszt u Wagner fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. L-ensemble tal-vjolonċellisti tal-famuża Vienna Philharmonic, imbagħad, se jtellgħu kunċert fit-tieni jum tal-festival. Iċ-ċkejknin ukoll se jkollhom attività apposta għalihom: il-kantanta u mużiċista minn Kreta Kalia Lyraki u d-daqqaq tal-fifra u espert dwar il-mużika preistorika Barnaby Brown, se jippreżentaw tliet kunċerti filgħodu għat-tfal tal-iskejjel fil-Palazz Verdala fil-Buskett.
Il-Castalian String Quartet, li fforma fl-2011 u li b’pass imgħaġġel qed jitqies bħala leħen eċċitanti fix-xena internazzjonali tal-musica da camera se jdoqq fid-9 ta’ Novembru fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta, filwaqt li l-grupp vokali ta’ klassi dinjija minn Oxford The Blenheim Singers, permezz tal-kant tagħhom fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, se jiċċelebraw kompożituri u awturi li kienu magħrufa tul ir-renju ta’ Eliżabetta I u Eliżabetta II. Minkejja l-età żgħira tagħhom, kemm il-vjolinista Benjamin Baker u l-pjanista Daniel Lebhardt rebħu diversi premjijiet prestiġjużi u stabbilixxew preżenza internazzjonali f’saħħitha permezz ta’ kunċerti fi swali madwar id-dinja kollha. Fil-kunċert tagħhom fil-Palazz San Anton, l-udjenza se jkollha l-opportunità li tisma’ xogħlijiet ta’ Britten, Paganini u Elgar.
Flimkien ma’ dawn l-artisti barranin se jingħaqdu artisti Maltin eċċezzjonali bħal Nico Darmanin – tenur Malti li jgħix Londra li se jagħti kunċert fil-5 ta’ Novembru, u Sandro Zerafa – wieħed mill-aktar kitarristi attivi fix-xenta tal-ġazz f’Pariġi li se jdoqq flimkien mal-kwartett ġazz tiegħu fit-8 ta’ Novembru. Il-programm varjat ta’ din l-edizzjoni tat-Three Palaces Festival se jasal fi tmiemu bil-Laefer Saxaphone Quartet, li jispeċjalizzaw fir-repertorju klassiku kontemporanju u li għandu fost il-membri bravi tiegħu lis-sassofonista Għawdxi Philip Attard.
Aktar informazzjoni dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival tista’ tinkiseb mill-Kunsill Malti għall-Arti u mis-sit elettroniku tal-festival www.3palacesfestival.com, filwaqt li l-biljetti għall-kunċerti kollha jistgħu jinxtraw mill-box office tat-Teatru Manoel mit-14 ta’ Settembru ’il quddiem. Iktar informazzjoni dwar il-biljetti tista’ tinkiseb mit-Teatru Manoel billi ċċempel fuq 2124 6389 jew www.teatrumanoel.com.mt