It-Twaqqif tal-Ewkaristija, proġett appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, huwa esibizzjoni li se tiftaħ uffiċjalment matul il-Ġimgħa Mqaddsa, u tħaddan fiha xogħlijiet tal-arti minn Big Friends Guggen Musik Band bil-għan li tkompli teduka lil iktar nies dwar il-wirt reliġjuż nazzjonali tagħna. Se tittella’ fis-sala li għadha kemm ġiet rinnovata fil-Big Friends Guggen Musik Band Centre fil-Furjana, li se tiġi inawgurata uffiċjalment iktar ’il quddiem din is-sena. Iċ-Ċentru huwa aċċessibbli għal kulħadd u m’hemmx problema għall-parkeġġ.
F’din l-esibizzjoni, se jkun hemm sett sħiħ ta’ seba’ statwi oriġinali u uniċi maħduma mill-artiġjan Jesmond Micallef. Sett ta’ seba’ pitturi uniċi tas-seba’ kelmiet li qal Kristu, impittra mill-Kavallier Paul Camilleri Cauci fil-forma ta’ salib u bil-ganutell. Sett ta’ erba’ pitturi tal-Evanġelisti mill-Kavallier Paul Camilleri Cauchi. Sett oriġinali ta’ ħames statwi tal-misteri tat-tbatija maħduma minn Noel Cauchi. Żewġ statwi oriġinali tal-Magħmudija ta’ Kristu u Kristu s-Salvatur maħduma minn Jesmond Micallef. Statwa ta’ Ġesù Bambin ta’ Michael Camilleri Cauchi. Statwa tal-Pietà fl-injam. Uħud minn dawn ix-xogħlijiet se jiddebuttaw f’din l-esibizzjoni.
Il-Bini se jkun imżejjen kif xieraq għall-esibizzjoni filwaqt li se jitqiegħed salib kbir fejn jidher fit-triq prinċipali, bil-għan li n-nies deħlin u ħerġin mill-Belt Valletta jindunaw li għaddejja l-esibizzjoni.