Teatru Astra għandu l-pjaċir iħabbar il-musical ‘Jesus Christ Superstar’ għal Marzu 2018 – spettaklu ewlieni għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju tat-Teatru Astra.
‘Jesus Christ Superstar’ huwa t-tielet musical konsekuttiv imtella’ mit-Teatru Astra, wara d-debutt elettrifikanti bi ‘Grease’ fl-2016 u s-sell-out tour-de-force b’‘Evita’ iktar kmieni f’Marzu din is-sena.
Il-musical, kapulavur ieħor ta’ Andrew Lloyd Webber u Tim Rice, kiseb l-ewwel suċċess tiegħu wara t-tnedija tal-concept album fl-1970. Dan is-suċċess wassal għall-ftuħ ta’ Broadway fl-1971 taħt id-direzzjoni ta’ Tom O’Horgan, fejn il-musical dam għaddej sentejn b’iktar minn seba’ mitt spettaklu.
L-istorja hija bbażata fuq verżjonijiet dwar x’seħħ fl-aħħar jiem li għex Ġesù meħuda mill-Vanġelu mill-wasla trijonfanti tiegħu f’Ġerusalemm sat-Tisliba. Il-plott hija mfassla madwar it-taqbid politiku u personali bejn Ġesù u Ġuda l-Iskarjota, li mhux neċessarjament jinsabu fil-Bibbja. B’dan il-mod, il-musical joffri interpretazzjoni libera tal-psikoloġija ta’ Ġesù u ta’ karattri oħra. Il-lirika hija ppakkjata b’attitudnijiet kontemporanji, kif ukoll allużjonijiet ironiċi għall-ħajja moderna li huma mferrxin fid-deskrizzjoni ta’ dawn l-avvenimenti politiċi.
Hemm ippjanata rappreżentazzjoni doppja ta’ ‘Jesus Christ Superstar’ għal tmiem il-ġimgħa qabel l-Għid, il-Ħadd 24 ta’ Marzu fit-20:00, u warajha matinee f’Ħadd il-Palm, fil-25 ta’ Marzu 2018 fit-15:30.
Booking onlajn minn hawn. Tista’ tirriżerva post billi ċċempel +356 79244048. Il-biljetti se jkunu għall-bejgħ mit-Teatru Astra wkoll.
‘Jesus Christ Superstar’ hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.