Il-Karnival Malti huwa wieħed mill-eqdem festi ta’ Malta, li jmur lura għall-ħakma tal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Illum, din l-attività kkulurita tiġi ċċelebrata madwar il-Gżejjer Maltin, bl-ikbar u l-aqwa attivitajiet fiċ-ċentru tal-belt kapitali, il-Belt Valletta. Għal erbat ijiem, it-toroq storiċi tal-belt jieħdu l-ħajja bil-baned, kompetizzjonijiet tal-kostumi u żeffiena bi lbies elaborat.

Iżda l-qofol ta’ din iċ-ċelebrazzjoni antika hija, mingħajr ebda dubju, il-parata tal-karrijiet tal-karnival li tinkludi kull xorta ta’ karrijiet magħmula bl-idejn – xi wħud allegoriċi, xi wħud satiriċi u oħrajn sempliċiment divertenti, fantastiċi u mhux tas-soltu.

Il-jiem tal-Karnival jinkludu wkoll għadd ta’ baned jimmarċjaw, tfal bil-kostumi u żgħażagħ igawdu l-atmosfera pjaċevoli fit-toroq storiċi tal-kapitali filwaqt li gruppi ta’ żeffiena lebsin għall-okkażjoni jagħtu spettaklu ta’ żfin fi Pjazza San Ġorġ ħalli jpaxxu lill-familji miġbura fi stands mibnija apposta.

Minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta, tista’ tipparteċipa f’attivitajiet tal-Karnival fil-Kottonera, Ħamrun, San Ġiljan, Birżebbuġa, Dingli, Naxxar, Żabbar, Għaxaq (inkluż il-Karnival spontanju), Għargur, Ta’ Xbiex u l-finali fil-Furjana.

Il-programm kollu tal-Karnival ħareġ, niżżel minn hawn.

Ixtri l-biljetti minn https://karnivaltamalta.org.