Leħħiet Imdemmija huwa t-titlu tal-kontribut artistiku tal-Istitut Sir Michelangelo Refalo Sixth Form (Victoria-Għawdex), appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Is-Soirée, li hija ferm evokattiva, tfakkar għeluq il-mitt sena minn tmiem l-Ewwel Gwerra Dinjija f’Novembru 1918. L-avveniment, li jħallat flimkien b’mod attraenti t-teatru klassiku u modern, il-mużika, il-poeżija, l-arti u l-koreografija, mhux biss għandu l-għan li jikkommemora t-tbatija tal-biża’ tas-suldati fit-trunċieri, moħbija mill-pubbliku b’nuqqas ta’ ħsieb jew għal tal-apposta, iżda wkoll li b’mod persistenti, ifakkar il-memorja kollettiva tal-jien u tas-soċjetà.
Il-gwerra hija ħażen kolossali xprunata mill-ġenn u mill-qerq. Iżda saħansitra agħar minn dan huwa t-tentattiv li nippruvaw ninsewha u dan għax l-istorja tgħallem lill-umanità u għandha tendenza li tirrepeti ruħha; forsi f’dak il-waqt meta nkunu fi stat kompjaċenti. Skont H.G. Wells, l-Ewwel Gwerra Dinjija kienet se tkun il-gwerra li ttemm kull gwerra oħra; iżda l-illużjoni ta’ paċi tmermret inqas minn kwart ta’ seklu wara b’déjà-vu enormi u tat-tkexkix. Bil-progress kbir li sar fil-qasam tat-teknoloġija tal-armamenti tal-gwerer, kollox jista’ jiġri– il-filmati ta’ kuljum fil-midja li juru kotriet kbar ta’ refuġjati jiġu maqtula jew spustati f’mases sfortunatament m’għadhomx iħallu effett trawmatiku u traġiku. Għalhekk, huwa d-dmir taċ-ċittadini kollha li ħaqqhom jissejħu hekk, li jfittxu l-paċi dewwiema appoġġjata mill-verità u l-ġustizzja.
Bil-gwida tal-amministrazzjoni tal-Istitut u l-għalliema tagħhom, iż-żgħażagħ fl-Istitut Sir Michelangelo Refalo Sixth Form ħadu din l-isfida permezz ta’ rotta artistika li tikkombina t-talent mal-kreattività u l-kapaċità mal-oriġinalità. Mhux ta’ b’xejn allura li s-Soirée sabet postha fil-Programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura Valletta 2018 li fiha nfisha hija ċelebrazzjoni tal-motto bażiku tal-UE: l-unità fid-diversità. Tassew li, l-ebda belt oħra għajr il-Belt Valletta, li hija sewwasew f’salib it-toroq taż-żminijiet u l-kulturi, ma jistħoqqilha verament kisba bħal din.