Bejn l-14 u s-16 ta’ April 2018, Kopin (VO/0200) se tkun qed toffri attivitajiet ta’ xogħol kreattiv bil-karti mingħajr ħlas għal tfal bejn it-8 u 12 -il sena fi Studio Solipsis, ir-Rabat.
It-8 sessjonijiet huma ffaċilitati mill-artisti Maltin Glen Calleja u Sarah Mamo bl-għajnuna ta’ għadd ta’ voluntiera magħżula minn Kopin. Dawn ser ikunu qegħdin jintroduċu lit-tfal il-prinċipji fundamentali tal-karta riċiklata u kif din tista’ tinbidel f’xogħlijiet marbuta mal-iskultura. Dawn jinkludu: figurini, skutelli, platti u oġġetti oħra li jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum. Dan il-proċess se jwassal lil dawn it-tfal biex jitgħalmu bosta tekniċi u ħiliet bħal kartapesta, il-ġibs u l-kolla tad-dqiq, tekniċi dekorattivi u l-użu ta’ diversi għodod u oġġetti relatati max-xogħol kreattiv bil-karti. Il-parteċipanti ser ikollhom ukoll ħjiel ta’ kif jistgħu jgħaqqdu l-karti f’forma ta’ ktieb u kif isir l-illegar tal-kotba, kif ukoll prinċipji bażiċi u tipi differenti ta’ stampar (bħal transferring u mark marking).
B’din l-attività u bl-għajnuna taż-żewġ artisti, it-tfal se jkollhom l-opportunità li jitgħalmu kif joħolqu xi ħaġa utli b’idejhom stess u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’dan il qasam.
Il-proġett għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u soċjali tat-tfal permezz tal-attivitajiet marbutin max-xogħol kreattiv bil-karti. Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, it-tfal (kemm Maltin kif ukoll barranin) għandhom l-opportunità jaħdmu ma’ xulxin fi gurppi.
Lejn l-aħħar ta’ dan il-proġett, l-oġġetti kollha magħmula matul dawn in-nofs ta’ nhari se jintwerew lill-ġenituri tal-parteċipanti f’wirja li se ssir fl-istess Studio Solipsis. Din il-wirja se tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku.
It-tmien sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda huma miftuħa għal 20 tifel u tifla li rreġistraw sas-6 ta’ April 2018.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-iSkema ta’ Sapport għall-Inizjattivi Żgħar (SIS), immexxi mil-Kunsill tas-Settur Volontarju f’Malta u huwa rikonoxxut mill-Fondazzjoni Valletta 2018.