Lungomare Mediterraneo jgħaqqad flimkien lil Heritage Malta u l-belt ta’ Šibenik fil-Kroazja biex jiddiskutu l-valur tal-wirt kulturali.
Organizzat mill-Ambaxxata ta’ Malta u l-Ambaxxata tal-Kroazja f’Ruma bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta, dan is-seminar jifforma parti mill-programm ta’ attivitajiet ta’ EUNIC (Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura) f’Ruma.
L-attività se tkun fil-forma ta’ seminar u għandha l-mira li tesplora l-importanza tal-wirt kulturali għall-identità nazzjonali u Ewropea u r-rwol tiegħu fil-futur. L-attività tikkonsisti minn preżentazzjonijiet, diskussjoni kif ukoll tour tal-Forti Sant’Anġlu. Is-seminar huwa filfatt parti mill-isforzi ewlenin għall-promozzjoni tas-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali, li l-għan tagħha huwa li tinkoraġġixxi lil aktar persuni jiskopru u jinteraġixxu mal-wirt kulturali Ewropew biex issostni sens ta’ appartenenza.
L-attività se tittella’ fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu nhar is-Sibt 17 ta’ Novembru 2018, u tibda fis-13:30, u hija miftuħa għall-pubbliku b’xejn.