Magna Żmien jippreżenta KAPSULA MERILL, il-Magna ta’ Memorji Meraviljużi – Inżul #6 – serata ddedikata għall-ġbir ta’ memorji lokali u tribut għas-Siġġiewi, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.

L-attività se tittella’ fit-13 ta’ Diċembru (17:30), fi Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi. Il-programm jinkludi rappreżentazzjoni tal-Magna taż-Żmien ma’ Wistin, il-Vjaġġatur ta’ fuq il-Pultruna, flimkien mal-Banda ta’ Memorji Meraviljużi. Din se tiġi segwita minn installazzjoni awdjoviżiva bil-mużika u l-ħsejjes ta’ Yasmin Kuymizakis u Jess Rymer, u viżwali minn Tiny Island Studio.

Il-Vjaġġatur ta’ fuq il-Pultruna Nru 35, Wistin, qed jippreżenta opportunità unika biex insalvaw il-memorji individwali u kollettivi tagħna. Permezz ta’ kuffji tal-widna mingħajr fili, l-udjenza se tkun tista’ tipparteċipa b’mod interattiv, u taqleb bejn żewġ kanali li fihom żewġ ambjenti akustiċi differenti.

Sa mill-bidu tagħha, Magna Żmien ilu jwettaq riċerka bl-għajnuna tal-kunsilli lokali f’erba’ postijiet differenti: il-Kalkara, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex, li tinkoraġġixxi lin-nies lokali biex jikkontribwixxu l-kollezzjonijiet tagħhom għall-proġett għad-diġitizzazzjoni. Persuni mil-lokalitajiet kollha huma inkoraġġuti jipparteċipaw.

Magna Żmien huwa moviment li jiġbor, jikkonverti u jagħmel disponibbli memorji li qed jintesew permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ kollezzjonijiet minn djar ta’ ħsejjes u immaġni. Dawn il-memorji salvati se jipprovdu kuntest kollettiv fertili għal navigaturi taċ-ċibernetika u rakkontaturi tal-istejjer preżenti u tal-futur. Titlifx din l-opportunità!

Din l-attività tifforma parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018, u hija organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

Biex tissottometti l-kollezzjoni tiegħek u għal aktar informazzjoni żur is-sit ta’ Magna Żmien fuq www.magnażmien.com, ċempel fuq +356 7706 0232 jew żur www.valletta2018.org.

Magna Żmien huwa maħluq minn Andrew Alamango, u din l-attività hija organizzata minn Andrew Alamango, Nicole Blackman, Janelle Borg u Valletta 2018 – Kapitali Ewropea tal-Kultura.