Din il-prestazzjoni kalejdoskopika ta’ żfin fil-miftuħ taqbad lill-ispettaturi f’esperjenza sensorja ta’ 360 grad. Teatru, żfin u film jingħaqdu flimkien f’dan l-avveniment enerġetiku, fejn projezzjonijiet li jirrappreżentaw il-‘Preżent’ u l-‘Futur’ jagħqdu u jduru, jibdew u jerġgħu jibdew, hekk kif il-movimenti tagħhom jaqbdu aspirazzjonijiet, tamiet u ħolm f’mument ta’ antiċipazzjoni eterna.

Il-lista ta’ nies involuti hija  impekkabbli, b’sett ta’ tletin minuta minn DJ Per QX, koreografija minn Mavin Khoo, prestazzjoni minn żeffiena professjonisti minn ŻfinMalta Dance Ensemble u talent żagħżugħ minn JUMP, kollaborazzjoni oħra ma’ ŻfinMalta mmirata għaż-żgħażagħ. L-artist ibbażat f’Londra Prickimage jipproduċi l-ispettaklu immersiv viżwali fuq palk u spazju ta’ skrin kbir erbgħin metru, bi projezzjonijiet interattivi 3D innovattivi, ġenerattivi u live li se jittrasformaw is-serata f’esperjenza awdjoviżiva.

Din ir-rappreżentazzjoni se tinkludi DJ sets minn talent lokali fosthom DJ Ruby u Miss Roberta.

Din ir-rappreżentazzjoni se tittella’ fil-bitħa tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara (ex Sir Adrian Dingli), Pembroke nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju mit-8pm ‘il quddiem. Id-dħul huwa b’xejn!