Mit-12 sal-21 ta’ April, il-fotografu Belġjan Jim Sumkay ser jippreżenta esibizzjoni fotografika bl-isem ‘Motus’ fl-Iskola Sekondarja Oġħla Giovanni Curmi fin-Naxxar.

“Devoratur inkredibbli tal-fotografija, Jim Sumkay, il-fotografu minn Liège, jikkaċċja bla waqfien b’dik il-ħarsa veloċi ta’ annimal feroċi, l-immaġini tal-ġungla tal-ħajja u xenarji li ma tistenniehomx. F’dan l-akrobata tal-kamera ta’ talent hemm bħal taħlita sottili ta’ sensittività, umoriżmu u ċiniżmu. Ir-ritratti tiegħu m’għandhomx bżonn ta’ kummenti. Motus! Peress li kollha għandhom xi jgħidu, dawn ir-ritratti jimponu ruħhom fuqek daqslikieku verità. » (Jean-Noël Bloom)

L-esibizzjoni (kemm dik ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra) tipproponi għażla ta’ ritratti mhux tas-soltu li kollha jduru mat-tema tar-relazzjoni bejn il-kelma u l-immaġini. Ta’ kuljum, Jim Sumkay, jiġbed ritratti bħal dawn fejn l-umoriżmu spontanju tistħajlu sors awtentiku ta’ empatija lejn l-attitudnijiet ta’ kuljum tal-bniedem. Projezzjoni ta’ aktar minn 300 ritratt għandha l-għan li sservi ta’ spunt għal diskussjoni ‘edukattiva’.

Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.