Dan il-proġett jgħin lit-tfal tal-iskola jifhmu kif il-kulturi jiżviluppaw madwar id-dinja, jinkoraġġixxi aktar l-għarfien kulturali filwaqt li jispira l-ħsieb kreattiv u l-qari ta’ stejjer fost il-ġenerazzjonijiet żagħżugħa. Dan il-programm mill-aktar interattiv huwa opportunità għaż-żgħażagħ biex jifhmu r-rwol ta’ istituzzjonijiet kulturali bħalma hi l-Fondazzjoni Valletta 2018.
It-tfal jieħdu sehem f’workshops mifruxa fuq għaxar sessjonijiet fejn huma jintalbu jimmaġinaw b’mod dettaljat u ħaj kultura fittizja; iqabblu dawn il-kulturi mal-identità tal-Belt Valletta, waqt li t-tfal jitgħallmu wkoll dwar l-istorja, l-arkitettura u l-wirt kulturali b’modi aċċessibbli u divertenti. F’Ottubru tal-2018, l-iskejjel imsieħba fil-proġett Capital of Invented Cultures fil-Gżejjer Maltin u f’Leeuwarden, se jikkollaboraw flimkien bħala assemblea tat-tfal, mibnija fuq il-mudell tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn bis-saħħa tal-proġett jintwerew il-kulturi vibranti.