Sess, gideb u għarukaża ta’ skandli! Orpheus in the Underworld ta’ Jacques Offenbach toffri żvolta fuq l-istorja ta’ mħabba ta’ żewġ maħbubin leġġendarji: Orpheus m’għandux grazzja ma’ Eurydice mentri Eurydice tippreferi l-kumpanija ta’ rġiel oħra. L-ispettaklu ser jasal fit-Teatru Manoel fit-8 u fid-9 ta’ Ottubru.

Orpheus in the Underworld, li hija parodija divertenti tal-opra Orpheus ed Eurydice ta’ Christoph Willibald Gluck, tlaqqagħna ma’ żewġ maħbubin li ftit li xejn iġerrħu ’l xulxin. Eurydice b’mod partikulari ma tistax tissaporti lil żewġha jdoqq il-vjolin u għaldaqstant taħrab ma’ Pluto fit-Tniebri. Orpheus jitlaq kollu gdiedem biex jiksibha lura, iżda mbagħad isir jaf li ma jkunx huwa biss li qed isus warajha. Jupiter ikun sema’ bl-akkwist il-ġdid ta’ Pluto u tegħlbu l-kurżità jsir jaf għalfejn dan l-għagħa kollu.

Mistħajla mill-ġdid fis-snin tmenin, din il-produzzjoni tipprometti produzzjoni komika li biħsiebha tifqa’ bid-daħk lill-udjenza tagħha, b’mod speċjali lill-adoloxxenti. Minflok it-togi bojod tradizzjonali, l-atturi ser ixiddu fixnets, spalletti u xortsijiet imlewna kollhom xejxi. Ma jonqsux ukoll stili ta’ xagħar ħipp ta’ barra minn hawn.

Id-direzzjoni tal-produzzjoni ser tkun f’idejn Brock Roberts, li dan l-aħħar idderieġa Carmen għall-Edinburgh Studio Opera u Venus and Adonis ta’ John Blow u Actéon ta’ Charpentier flimkien ma’ Michael Barry għall-Birmingham Conservatoire. Il-konduttur huwa Philip Walsh.

Din l-opra tat-Teatru Manoel Youth Opera qiegħda tittella’ b’mod konġunt mit-Teatru Manoel u l-Fondazzjoni Valletta 2018. Dan l-ispettaklu huwa adattt biss għal persuni ta’ ’l fuq minn 16-il sena.

Tistgħu tiksbu l-biljetti billi ċċemplu lit-Teatru Manoel fuq 21246389 jew iżżuru s-sit uffiċjali tal-produzzjoni fuq www.teatrumanoel.com.mt.