Nhar il-Ħamis 23 ta’ Novembru, wara t-8pm, Inizjamed se torganizza d-dsatax-il Palk Ħieles tagħha. Wasalna biex noħorġu mill-addolexxenza, imma d-darsa tal-għaqal għadna ma qlajnihiex. Din id-darba se nintasbu ġewwa l-Gażin Vilhena, il-Furjana.
Id-dsatax huwa numru prim, numru li ebda numru ieħor ma jista’ jidħol ġo fih mingħajr ma jħalli l-frak. Għalhekk, bħala mistiedna speċjali se jkollna lill-kittieba prima, Leanne Ellul, li wara r-rumanz rebbieħ tagħha “Gramma”, qiegħda tikteb poeżija forsi xi ftit farrada u lil hinn minn poeżiji oħra Maltin li nkitbu sa issa. Din l-istess poeżija terrqet jew aħjar taret sa Bali u l-Ġermanja.
Qabel jew wara Leanne Ellul, bħal dejjem u fl-ispirtu tal-Palk Ħieles inti mħeġġeġ biex taqra xi poeżija, storja, tirreċta, tkanta xi ħaġa oriġinali jew tagħmel xi ħaġa oħra li forsi bħalissa mhix tiġina f’rasna. Kull djalett, kull lingwa merħba bihom, u aktar kemm ikollna differenti, aktar nifiriħu.
Din l-attività tifforma parti mill-proġett Poetry in Potato Bags li jagħmel parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Ara l-attività fuq Facebook hawnhekk: https://www.facebook.com/events/145209056103049/