Il-films magħżula għal din l-edizzjoni ta’ Poetry on Film huma “Kafè” ta’ Achille Mizzi, maħdum minn Clare Azzopardi u Ken Scicluna, filwaqt li Abigail Mallia u Carlos Debattista qed jipproduċu film fuq poeżija ta’ Oliver Friggeri, “Il-Lejl f’Dan l-Istazzjon.”

Dawn ix-xogħolijiet se jintwerew waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, li se jseħħ bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu fil-Forti Manoel, il-Gżira Manoel, il-Gżira.

Iż-żewġ poeti u l-poeżiji tagħhom għal darba oħra ngħażlu minn Dr Immanuel Mifsud, il-konsulent letterarju tal-proġett Poetry on Film. Wara li l-films ġew diskussi waqt seminar apposta, intlaqgħu wkoll applikazzjonijiet mingħand diretturi u produtturi tal-films.

Dwar Poetry on Film

Poetry on Film huwa proġett tal-Valletta 2018 bi sħab mal-Inizjamed, bil-għan li jitrawwem is-settur tal-films tal-poeżija f’Malta permezz ta’ taħriġ, l-ikkummissjonar ta’ films qosra tal-poeżija għall-wiri fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, u l-esportazzjoni tal-films ikkummissjonati. Il-proġett jinsab fil-qofol tal-istrateġija tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed biex il-poeżija ssir iktar aċċessibbli u iktar ħajja permezz tal-kollaborazzjoni u l-ko-kreazzjoni fost dixxiplini artistiċi differenti u mezzi ta’ komunikazzjoni varji.

 

Edizzjonijiet Preċedenti

L-ewwel film tal-poeżija ġie kkummissjonat għall-edizzjoni tal-2014 tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, marbut ma’ żewġ poeżiji ta’ Doreen Micallef bħala rappreżentanta tal-poeżija Maltija tas-snin 60, filwaqt li t-tieni film tal-poeżija ġie kkummissjonat għall-edizzjoni tal-2015 tal-istess Festival, marbut ma’ poeżija ta’ Mario Azzopardi bħala rappreżentant tal-poeżija Maltija tas-snin 70. Fl-2016 ingħażlu żewġ films ibbażati fuq il-poeżiji ta’ Lillian Sciberras u Ray Mahoney permezz ta’ proċess ta’ sottomissjoni u għażla. Fl-2017 ingħżlu żewġ films oħra fuq il-poeżiji ta’ Victor Fenech u Maria Grech Ganado. Biex inqanqlu iktar interess u attività fis-settur, bil-għan li tintrifed il-produzzjoni ta’ films tal-poeżija ta’ kwalità għolja f’Malta, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed iddeċidew li jikkummissjonaw żewġ films oħra tal-poeżija permezz ta’ proċess selettiv.

 

Għal izjed informazzjoni, żur il-paġna ta’ Facebook tal-Inizjamed u www.inizjamed.org