Poetry on Film hija inizjattiva li tgħaqqad flimkien l-arti viżiva tal-film mal-letteratura rikka Maltija. Kull sena, jintagħżlu poeżiji Maltin biex jiġu addattati f’film qasir li jintwerew għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival se ssir bejn l-24 u s-26 ta’ Awwissu fil-Forti Sant’Iermu, u tibda fit-8:00PM, biż-żewġ films tal-poeżija magħżula jintwerew għall-ewwel darba il-Ħamis 24 ta’ Awwissu u l-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu.
L-ewwel film huwa adattazzjoni tal-poeżija Relazzjoni ta’ Maria Grech Ganado, minn Nicky Aquilina u Lyanne Mifsud, li se jintwera il-Ħamis 24 ta’ Awwissu.
It-tieni wieħed huwa film ta’ Fuq Għoljiet Dingli, xogħol ta’ Victor Fenech, mill-artist u l-akkademiku Trevor Borg, li se jintwera l-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu.
Iż-żewġ films se jinkludu introduzzjoni mid-direttur u lekċerer tal-films Kenneth Scicluna.
Dan il-proġett hu frott il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed.