Din l-esebizzjoni qed tiġi organizzata mill-Grupp Armar Żabbar, grupp volontarju fi ħdan il-Parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar bl-isem ta’ ‘QADDISIN – fil-Qalb tal-Festa Maltija’. Ser tkun qed tittella’ fis-Sala Prinċipali, Sala Notre Dame b’kollaborazzjoni mal-Mużew tas-Santwarju u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar, kif ukoll iż-żewġ baned Żabbarin, baned oħrajn Maltin u gruppi tal-Armar madwar Malta. L-esebizzjoni ser tkun qed tittella’ matul il-Ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa fejn ser ikun hemm numru ta’ workshops fejn ser jiġu diskussi diversi suġġetti marbuta mat-tema ta’ din l-esebizzjoni.

Il-viżitaturi li ser jattendu ser jiġu mistiedna sabiex l-ewwel jassistu għal dokumentarju qasir dwar is-suġġett li ġie riċerkat minn membri tal-Grupp tal-Armar stess, b’intervisti ma esponenti diversi dwar l-artisti li ħadmu dawn l-istatwi,  kif żviluppa il-marċ tal-aħħar tridu u t-tradizzjoni li jittellgħu statwi fuq pedestalli, il-mod differenti kif jittellgħu bl-influwenza marittima u l-innijiet li jindaqqu waqt dan il-mument. Dan id-dokumentarju ser jintwera fuq il-palk prinċipali ta’ din is-sala.

Wara dan il-viżitaturi jiġu mistiedna fis-sala prinċipali fejn hemm armata l-esebizzjoni ta’ statwi ta’ dimostrazzjoni u statwi li jittellgħu fuq pedestalli minn diversi bliet u rħula Maltin, fosthom it-tliet statwi Żabbarin jiġifieri il-Madonna tal-Grazzja xogħol Manuel Farrugia, Malta xogħol tal-Marċjol u l-Madonna tal-Assedju xogħol ta’ Ġlormu Dingli.

Minħabba li din is-sena il-Belt Kapitali Valletta hija l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, f’din l-esebizzjoni ser ikun hemm sezzjoni speċjali riservata għall-erba’ festi tal-Belt u l-istatwi ta’ dimostrazzjoni li jintużaw fil-festi rispettivi tal-Madonna tal-Karmnu, San Pawl, San Duminku u Santu Wistin xogħol l-artist Alfred Camilleri Cauchi u missieru Wistin Camilleri.

Taħt saqaf wieħed dawk li ser jattendu ser ikollhom il-possibilità unika li jammiraw mill-qrib dawn l-istatwi mill-isbaħ li normalment ikunu esibiti fil-pjazez Maltin xogħol artisti Maltin bħal Ġlormu Dingli, Marċjol, Wistin Camilleri, Renzo Gauci, Manuel Farrugia, Alfed Camilleri Cauchi, Aaron Camilleri Cauchi, Shaun Saliba u Mariorick Mifsud.

Waqt din l-esebizzjoni wieħed ser ikun qed jisma’ l-innijiet miktuba apposta minn kompożituri Maltin li normalment jindaqqu waqt l-istess ċelebrazzjonijiet. L-esebizzjoni tiftaħ nhar il-Ġimgħa 13 t’April u tibqa’ miftuħa sal-Ħadd 22 t’April. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma matul il-Ġimgħa bejn is-6.30pm u d-9pm. Is-Sibt u l-Ħadd l-esebizzjoni tiftaħ bejn id-9am u nofsinhar u l-4.30pm u d-9pm. Inħeġġukom tattendu.

Din l-attività hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.