Qaħba Jien? hija produzzjoni teatrali bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Din il-produzzjoni, li se tittella’ fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv bejn it-3 u l-5 ta’ Novembru 2017, tlaqqagħna ma’ persuna, li għax in-natura żejnitha b’kollox, kulħadd jafha bħala l-“qaħba”. Il-machos irġiel jgħajjruha waqt li jiftaħru xi rnexxielhom jagħmlu jew ma jagħmlux magħha. U min-naħa l-oħra, għan-nisa hija qaħba għax jarawha tiġbed aktar attenzjoni minnhom.

Taf lil xi ħadd li jgħajjruha qaħba? Ġieli sibt min jgħajjar lilek qaħba? Jew ġieli kont int li għajjart lil xi ħadd qaħba? Qabel ħarġet il-kelma minn fommok, ġieli ppruvajt tidħol fiż-żarbun tal-“qaħba”? Ġieli mxejt fit-triq kif timxi hi u tinnota lil kulħadd iħares lejk, imejjel rasu u jgħaddi l-kummenti? Qatt smajt l-istorja ta’ “qaħba”?

Hija storja li bdiet fis-snin tmenin… storja ta’ familja mimlija taqtigħ il-qalb. Maż-żmien l-affarijiet kellhom it-tlugħ u nżul… F’mument kollox deher li għad jissolva, sakemm…

 

Dettalji tal-attività:

Dati u Ħinijiet:
Il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2017, 8:00 PM
Is-Sibt 4 ta’ Novembru 2017, 8:00 PM
Il-Ħadd 5 ta’ Novembru 2017, 7:30 PM

Post: Teatru Spazju Kreattiv (Kavallier ta’ San Ġakbu)

Prezz: €15 fit-teatru ewlieni; €12 fil-galleriji ta’ fuq tat-teatru

 

Din il-produzzjoni għandha direzzjoni ta’ Mario Micallef, bi skript u produzzjoni ta’ Joe Julian Farrugia u tinkludi l-attriċi Sarah Camilleri.