Imsemmija wara r-rota tal-fortuna li xi darba kienet tintuża fil-fieri lokali tar-raħal – Rulina hija kompożizzjoni oriġinali moderna insipirata minn logħob tradizzjonali Malti. Malli jidħlu, il-membri tal-udjenza jingħataw ‘biljett tal-lotterija’ li jistedinhom biex jieħdu sehem fi vjaġġ interattiv iffukat fuq ir-Rulina u l-logħob tradizzjonali Malti.

Ir-rota tal-fortuna tiddetermina l-progress u l-andament tal-kompożizzjonijiet li jindaqqu u r-riżultat jirrifletti l-aspett divertenti ta’ dak li joffru l-logħob. Biex takkumpanja d-divertiment, se tindaqq biċċa introduttorja minn tmienja u għoxrin mużiċist fuq strumenti tradizzjonali tal-Banda. Bil-mużika, żfin, logħob u kull xorta oħra ta’ interazzjonijiet sorprendenti, Rulina tfittex li toħloq esperjenza immersiva li tinkludi kollox, li tpoġġi lill-udjenza fil-qalba tal-prestazzjoni.

Rulina ser jiffoka fuq erba’ logħbiet popolari – Dawra Durella, Pizzi Pizzi Kanna, Iż-Żunżana Ddur Iddur u Kastig u permezz tagħhom ser iżżewweġ dak li hu tradizzjonali ma’ element kontemporanju. Permezz ta’ testi letterarji mexxejja miktuba għall-okkażjoni ser insalpaw fuq vjaġġ ta’ mużika oriġinali u żfin kontemporanju li ser jitlaq mid-dinja tal-logħob tat-tfal sabiex iwassal għal riflessjonijiet dwar id-dinja li qegħdin ngħixu fiha, il-ġenn tal-ħajja, u saħansitra l-mewt.

Rulina hu proġett imtella’ mill- Għaqda Mużikali San Leonardu, b’direzzjoni artistika ta’ Daniel Vella, mgħejun minn Jessica Ellul, kitba ta’ Leanne Ellul, mużika ta’ Euchar Gravina, koreografija ta’ Christina u Valentina Cauchi minn Danza C, u preżentazzjoni ta’ Elaine Saliba Bonnici. Rulina għandu l-appoġġ ta’ Valletta 2018 u l-kontribut tas-Sezzjoni tal-Etnografija fi ħdan Heritage Malta li ssarrfet f’ riċerka dwar il-logħob tradizzjonali.

Sejrin isiru żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ Rulina nhar it-12 ta’ Mejju, fit-20:30 u fid-21:30, ġewwa l-Palazz Vilhena, l-Imdina. Id-dħul għal dawn ir-rappreżentazzjonijet ser ikun mingħajr ħlas fuq bażi ta’ first come first served.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ Rulina jew jagħmel kuntatt fuq 79867165.