Ir-Russja daħlet xi ftit tard fix-xena tal-mużika klassika: il-kompożituri tagħha kienu jimitaw il-modi tal-punent bħalma l-mexxejja tagħha kienu jħarsu lejn l-Ewropa. Iżda s-seklu 19 ra l-qawmien tal-istil Russu differenti li bidel lill-pajjiż f’superpotenza tal-mużika klassika.
F’kunċert immexxi mis-Surmast Grieg Michalis Economou, l-Orkestra Filarmonika Maltija tiftaħ b’xogħol ta’ wieħed mill-ewwel kompożituri klassiċi li fuqu nbnew it-tradizzjonijiet mużikali Russi: Mikhail Glinka. Il-mużika li tintroduċi l-opra tiegħu Ruslan u Lyudmila, imsejsa fuq poeżija epika ta’ Pushkin, tibqa’ dejjem famuża.
Il-kunċert jinkludi wkoll żewġ xogħlijiet mill-kompożituri tal-era-Sovjetika. Prokofiev kien Russu eżiljat meta kiteb it-tielet kunċert bil-pjanu li se jindaqq mill-Pjanist Taljan magħruf Pietro de Maria, li sussegwentement mar lura pajjiżu.
Għall-kuntrarju, Shostakovich-li kien għadu tifel meta seħħet ir-Rivoluzzjoni Russa- kellu jibqa’ fejn kien u ħafna drabi, jiffaċċja restrizzjonijiet, ostraċiżmu u theddid mir-reġim li kien jimponi l-ideoloġija tiegħu fuq il-mużika klassika, għalkemm dan naqas wara l-mewt ta’ Stalin fl-1953. L-Għaxar Sinfonija tiegħu tnediet aktar tard dik is-sena, avolja mhux magħruf meta nkitbet. Huwa mifhum li din hija rappreżentazzjoni mużikali tat-terrur u l-impulsivita` tat-tmexxija dittatorjali.
Il-kunċert għandu l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.