RIMA qiegħda tistieden lil persuni mid-dinja kollha iżda residenti f’Malta biex japplikaw għal sensiela ta’ workshops artistiċi fil-fotografija diġitali u ċinematografika. Il-workshops ser joffru lill-applikanti magħżula l-opportunità li jirfinaw l-ħiliet tagħhom filwaqt li jisimgħu tliet fotografi kbar jitkellmu dwar l-esperjenza u l-approċċ varjat u emozzjonanti tagħhom lejn l-arti tal-fotografija.
Il-workshop dwar il-fotografija diġitali ser jitmexxa mill-fotografi Mario Badagliacca (Italja) u Mohamed Keita (Sirja) mentri il-workshop dwar il-fotografija ċinematografika ser isir bis-superviżjoni tal-fotografu Zvezdan Reljic. Iż-żewġ workshops ser isiru fl-Ede Books Studio, Tas-Sliema, bejn is-6 u l-11 ta’ Marzu 2017. L-applikanti jistgħu japplikaw għaż-żewġ workshops.
Il-workshop diġitali għandu l-għan li jagħti lill-parteċipanti esperjenza eżawrjenti fl-arti u fit-teknika tal-fotografija diġitali, inkluż f’aspetti tekniċi (il-ħeffa tax-xater, l-espożizzjoni), l-inkwadratura, l-arkivjar u l-proċess tal-post-produzzjoni, filwaqt li jidħol fil-fond ukoll fid-dimensjoni etika tal-użu minn dan il-mezz artistiku.
Mill-banda l-oħra l-workshop ċinematografiku ser ifhiem b’mod ġenerali l-arti u t-teknika tal-fotografija ċinematografika ‘black and white’, l-ipproċessar tal-films u l-istampar fil-kamera oskura.
Fi tmiem il-workshop il-parteċipanti mhux biss ser ikunu ngħataw fehim sod fit-teknika tal-proċess tal-fotografija inġenerali, iżda ser isiru midħla tal-valur tal-fotografija bħala strument narrattiv u jitgħallmu kif dan il-mezz artistiku jista’ jkun pjattaforma għall-espressjoni personali u għall-proġetti artistiċi. Kull parteċipant ser jingħata wkoll l-opportunità li jlesti kompitu fotografiku.
Ir-ritratti li jinġibdu mill-partiċipanti mbagħad ser jgħaddu minn proċess ta’ selezzjoni u xi wħud minnhom jistgħu jkunu eleġibbli biex jagħmlu parti mill-esebizzjoni RIMA li ser tittella’ tard fl-2018.
Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati għandhom jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni fuq [email protected] jirriżervaw post temporanju. L-email għandu jispeċifika jekk l-applikant ikunx irid jieħu sehem f’workshop wieħed jew fit-tnejn li huma. Inkella jistgħu jċemplu fuq 77 09 40 26.
Peress li l-għadd ta’ postijiet disponibbli huwa limitat, il-parteċipanti ser jintgħażlu skont is-saħħa tal-ittra ta’ motivazzjoni tagħhom. L-iskadenza tagħlaq fl-20 ta’ Frar 2017.
Kemm-il darba jirreġistraw numru kbir ta’ applikanti, id-dati tal-workshop ċinematografiku jistgħu jinbidlu u jiġu deċiżi b’appuntament personali.
Tariffi
Fotografija diġitali: €40/€20 jekk l-applikant ikun qiegħed
Fotografija ċinematografiċi: €50/€30 jekk l-applikant ikun qiegħed
Fotografija diġitali u ċinematografika: €70/€30 jekk l-applikant ikun qiegħed