Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tfittex atturi/żeffiena/atturi-mużiċisti biex tagħtihom l-opportunità li jagħmlu parti mit-tim artistiku li ser itella’ proġett maħsub li ser isir f’Mejju 2018 bit-tmexxija tal-artista u d-direttriċi teatrali Griega Elli Papakonstantinou.

Il-prodott kreattiv finali ser jesplora t-teatru immersiv u ser jiżvolġi f’għamla ta’ mixja interattiva mal-udjenzi. Il-proċess ser ikun miftuħ u kollaborattiv peress li ser jinvolvi wkoll artisti internazzjonali. Għaldaqstant il-proġett ser jittella’ bl-Ingliż.

Dan ser jiddependi bil-kbir mir-rispons tal-parteċipanti kreattivi. Flimkien ma’ dan it-tim professjonali l-proġett ser jiffoka – peremzz tal-iżvilupp artistiku – fuq l-istħarriġ tal-mistoqsijiet li ġejjin:

Tgħid l-identità hija logħba tal-azzard? Aħna lkoll lagħgħba fil-ħajja tagħna? X’inhuma d-diversi aspetti tal-identità Maltija?

Dawk kollha interessanti jenħtieġ ikunu disponibbli fl-1 u fit-2 ta’ Frar 2017 biex jattendu workshop bi prova ma’ Elli fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta. Matul dan il-workshop għandek tibda ssir midħla tax-xogħol ta’ Elli fl-iżvilupp ta’ prestazzjonijiet permezz tal-improvazzjoni u l-użu tat-test imħejji minn qabel.

Għal dan il-workshop għandek iġġib miegħek l-oġġetti mniżżla hawn taħt biex tużahom bħala punti tat-tluq tal-ispirazzjoni tiegħek:

  • Test li jogħġbok. Dan jista’ jkun silta letterarja, skript teatrali, silta minn ġurnal jew test miktub minnek stess.
  • Kanzunetta.
  • Strument mużikali – jekk iddoqq xi wieħed u tkun tista’ ġġibu.

L-applikanti magħżula jridu jkunu disponibbli għall-provi fuq bażi full-time min-nofs Marzu 2018. Il-ħlas isir skont il-każ.

Jekk tixtieq tieħu sehem jew teħtieġ iżjed tagħrif ibgħat is-CV tiegħek fuq [email protected]

Skadenza: 20 ta’ Jannar 2017, f’nofsinhar.

 

 

Bijonota tal-Artista:

Elli hija diretriċi, drammaturga, esebizzjonista u artista viżiva radikali bbażata fil-Greċja. Hija toħloq prestazzjonijiet mużikali fuq il-primafruntiera tal-avangwardja Ewropea b’attenzjoni speċjali fuq għamliet ġodda t’espressjoni u fuq l-użu tal-mezzi tal-midja l-ġodda.

L-arti tagħha għandha l-għan ewlieni li tittrasforma l-udjenzi f’parteċipanti attivi. Matul il-kriżi fil-Greċja, Elli involviet ruħha billi marret lil hinn mir-rwol “tas-soltu” tagħha bħala direttriċi teatrali u artista u saret imprenditriċi impenjata b’mod politiku u kollegatriċi ta’ diversi partijiet tas-soċjetà. Bix-xeħta ta’ imprenditriċi tagħha hija ħolqot il-kumpanija tal-midja l-ġdida ODC Ensamble u l-ispazju artisitku Vyrsodepseio f’Ateni.

Ix-xogħol tagħha ġie ppreżentat fuq skala internazzjonali f’bosta avvenimenti, fosthom: it-13-il Esebizzjoni Internazzjonali tal-Kwadriennali ta’ Praga (ir-Repubblika Ċeka), il-Festival ta’ Edinburgu tal-1997 u tal-2004 (ir-Renju Unit), ir-Royal Court Theatre (ir-Renju Unit), il-Princeton University (l-Istati Uniti), l-Opera House tal-Kajr (l-Eġittu), il-LaMaMa Theatre ta’ New York (l-Istati Uniti), it-Theaterhaus Gessnerallee ta’ Zurich (CH), it-Teatru Nazzjonali ta’ Ċipru (Ċipru), l-Antic Teatre International ta’ Barċellona (Spanja), il-Festival Internazzjonali tat-Teatru Sperimentali tal-Kajr (l-Eġittu), iċ-Ċerimonja Inawgurali tal-Bibliotheca Alexandrina (l-Eġittu), in-Neukollner Oper ta’ Berlin (il-Ġermanja) u l-Musikteatretage Festival (l-Awstralja).