Bħalna, kull oġġett għandu bosta ħajjiet u ħafna stejjer x’jirrakkonta. Bħala xhud tal-preżenza jew tal-assenza, l-oġġetti jfakkruna f’min konna u f’min aħna, fi mnejn ġejjin, f’dawk li ħabbewna u ħadu ħsiebna u f’dawk li ħabbejna u ħadna ħsiebhom. Dawk li ħallew art twelidhom għamlu dan fil-kumpannija tal-oġġetti jew tal-memorja tal-oġġetti li ma setgħux iġorru magħhom. RIMA qiegħda tfittex proprju dan.
RIMA qiegħda tfittex oġġetti ta’ kull xorta flimkien mal-istejjer assoċjati magħhom. Ġaladarba l-oġġetti jirrakkontaw l-istejjer, dawn huma frammenti viżibbli tal-bijografija tagħna. L-oġġetti, l-għodod, il-kopji tad-dokumenti, l-ittri, l-istampi, il-ġurnali, it-takkwini, il-materjal tat-tagħlim tal-lingwi u kulma jista’ jkun marbut mal-esperjenza tal-ispostament u tal-eżilju tiegħek ser jintużaw f’wirja li ser tittella’ minn RIMA f’Malta lejn tmiem l-2018.
Jekk tixtieq tkun parti minn dan il-proġett, agħżel oġġett wieħed (jew iktar) marbut mal-esperjenza tal-eżilju u tal-ispostament tiegħek u ikteb jew irreġistra fuq fajl awdjo l-istorja assoċjata miegħu (lingwi: Ingliż, Franċiż, Taljan, Għarbi, Malti). B’dan il-mod tkun qiegħed tagħti kontribut li jiddependi b’mod kruċjali mill-kollaborazzjoni attiva tal-parteċipanti. Wara tmiem il-wirja l-oġġetti jintraddu lura lill-parteċipanti.
RIMA huwa proġett li jgawdi l-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u li għandu l-għan li jiġbor in-narrattivi ta’ diversi persuni ‘fl-eżilju’ li joriġinaw mill-istess sentiment tat-tluq, tad-distakk u tax-xewqa tagħna li nistabbilixxu ruħna. B’mod ġenerali l-proġett RIMA huwa riflessjoni kostanti dwar il-migrazzjoni nfisha, b’mod partikulari fuq id-diskors li jsir dwaru. Fil-qalba tiegħu jsostni l-idea li aħna lkoll migranti potenzjali.
Kemm-il darba tixtieq tagħmel parti minn dan il-proġett kollaborattiv u taqsam l-oġġetti personali li jgħidu xi storja dwar l-eżilju tiegħek jew ta’ xi ġenitur tiegħek, ibgħat email fuq [email protected] jew ċempel 77 09 40 26.
L-iskadenza għat-tressiq tal-oġġetti u tal-istejjer tagħlaq fit-3 ta’ April 2017.