Valletta 2018 timmira li tagħti opportunità lill-artisti biex joħolqu xogħol ġdid u eċċitanti biex jiġi ppreżentat bħala parti mill-Programm Kulturali tagħha iżda għandha wkoll futur lil hinn mis-sena 2018 u lil hinn mill-fruntieri ġeografiċi tagħna. Bħala parti mix-xogħol tagħha, il-Fondazzjoni stiednet koreografi emerġenti biex jipparteċipaw f’seminar ta’ 4 sigħat mad-Direttriċi ta’ Certamen Coreografico Coreografico de Madrid u kofundatriċi ta’ Aerowaves Laura Kumin dwar kif iwasslu x-xogħol tagħhom lid-dinja.
Il-Fondazzjoni issa qed tistieden lil kull min attenda s-seminar biex jissottometti proposta għal xogħol taż-żfin kontemporanju ta’ 40 sa 50 minuta li huwa oriġinali u innovattiv. Ġurija se tagħżel sa żewġ proposti biex ikunu parti minn prestazzjoni doppja li se ssir fis-sajf tal-2018. Huwa importanti li wieħed jinnota li kull proġett għandu bżonn membru tat-tim wieħed biss li attenda l-workshop, u li m’hemmx għalfejn ikun l-applikant jew il-koreografu. L-applikanti jistgħu jkunu parti ta’ aktar minn proposta tal-proġett waħda, iżda l-koreografu ewlieni għandu jvarja minn proġett għal proġett.
Matul il-perjodu tal-iżvilupp, il-Fondazzjoni se tipprovdi tagħlim minn artisti mistiedna lill-koreografi magħżula kif ukoll produzzjoni professjonali tal-prestazzjoni.
Iżda dan mhux kollox għal dan ix-xogħol, minħabba li l-artisti se jiġu pprovduti bil-materjal kollu meħtieġ biex jissottomettu x-xogħol tagħhom għall-kunsiderazzjoni tan-netwerk Aerowaves, b’hekk ix-xogħol tagħhom jingħata l-attenzjoni ta’ aktar minn 40 sieħeb fi 33 pajjiż.
Kif tapplika
Il-proposti għandhom jiġu sottomessi billi jintbagħat email fuq [email protected] sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2017. Il-fajls kollha mehmuża mal-applikazzjoni għandhom ikunu mmarkati tajjeb. Applikazzjonijiet tard ma jiġux ikkunsidrati.
Il-proposti għandhom jinkludu:
- Formola tal-applikazzjoni mimlija u scan tal-Karta tal-Identità u/jew Permess tar-Residenza tal-Applikant
- Deskrizzjoni ta’ paġna (mhux aktar minn 1000 kelma total) inkluż l-idea għax-xogħol, inkluż ir-riċerka rilevanti u dikjarazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn tixtieq tipparteċipa f’din is-sejħa u l-pjanijiet tiegħek biex tippreżenta dan ix-xogħol fil-livell internazzjonali.
- Stima tal-ispejjeż għall-ħolqien u l-prestazzjoni tax-xogħol. Dan m’għandux jinkludi produzzjoni tax-xogħol minħabba li dan se tieħu ħsiebu l-Fondazzjoni.
- Kampjun ta’ 2 minuti tar-riċerka tal-moviment li beħsiebek tiżviluppa (li għandu jiġi sottomess bħala ħoloq għal vidjows onlajn fuq Vimeo jew Youtube, bil-passwords jekk ikunu protetti)
- Disinn tal-palk propost u rider tekniku li huwa flessibbli u soġġett għal bidliet matul l-iżvilupp tal-biċċa. Dan se jiffaċilita l-fehim tagħna tal-viżjoni oriġinali tiegħek tax-xogħol propost.
- Dikjarazzjoni tal-impenn biex jiġi sottomess ix-xogħol għall-kunsiderazzjoni tal-għażla Aerowaves Twenty fl-2018 u l-2019.
- Bijografiji tal-koreografu/i
- Lista ta’ artisti meħtieġa f’termini ta’ kemm huma meħtieġa u l-ħiliet speċifiċi mfittxija. Mhux meħtieġ f’dan l-istadju li jiġu identifikati l-identitajiet tal-artisti minħabba li wieħed jifhem li jistgħu jkunu meħtieġa provi fil-każ li tintagħżel il-proposta.
- Kampjun ta’ xogħol preċedenti (li għandu jiġi sottomess bħala ħoloq għal vidjows onlajn fuq Vimeo jew Youtube, bil-passwords jekk ikunu protetti)
Jekk tinteressak din l-opportunità, jekk jogħġbok niżżel il-pdf t’hawn taħt għal aktar informazzjoni kif ukoll il-Formola tal-Applikazzjoni hawn taħt. Ix-xorti t-tajba!
Informazzjoni-Opportunità għall-Koreografi
Formola tal-Applikazzjoni: Sejħa għall-Koreografi