Il-kuntest

Design4DCity hija inizjattiva tal-Fondazzjoni Valletta 2018 immexxija minn Valletta Design Cluster u l-Meeting Points Program tal-Fondazzjoni Valletta 2018. L-għanijiet ta’ Design4DCity jaqblu mal-missjoni ta’ Valletta 2018 li jinkisbu standards ta’ kwalità xierqa fl-ambjent urban Malti billi jintużaw l-opportunitajiet tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 biex jitjieb il-benesseri tas-soċjetà Maltija inġenerali u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti b’mod partikulari.

Design4DCity tinteraġixxi ma’ atturi mill-komunità li jvarjaw minn residenti individwali, klabbs tal-banda, organizzazzjonijiet sportivi, gruppi mis-soċjetà ċivili, għal kunsilli lokali u awtoritajiet pubbliċi oħra. Tiffoka fuq l-oqsma kollha fejn l-ispazju pubbliku, l-interazzjoni tal-komunità u l-kwistjonijiet soċjali jiltaqgħu. B’dan il-mod, tkun qed tħares lejn modi differenti kif nużaw l-ispazju pubbliku u kif ikun hemm pussess komuni permezz ta’ interventi żgħar u attivitajiet staġjonali. Design4DCity hija bbażata fuq il-filosofija ta’ communing u co-creation, filwaqt li l-kunċetti gwida huma abitabbiltà, benesseri u sostenibbiltà.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 hija wkoll is-sieħeb uffiċjali Malti fil-proġett Orfeo & Majnun ta’ Creative Europe. Dan huwa proġett mużikali-teatrali interdixxiplinarju u parteċipattiv li jgħaqqad żewġ miti ġejjin minn kulturi differenti: fuq naħa, l-istorja Griega ta’ Orpheus u Eurydice u fuq in-naħa l-oħra, il-leġġenda mil-Lvant Nofsani ta’ Leyla u Majnun. Il-qalba tematika ta’ Orfeo & Majnun tikkonċerna s-sentimenti tal-imħabba, telfa u xewqa.

Orfeo & Majnun tħaddan intervent artistiku fi ħdan ambjent urban lokalizzat ħafna, taħt it-titlu ta’ Mobile Lab. Il-Mobile Lab se jikkrea spazju fejn l-artist u l-komunità lokali jersqu lejn xulxin biex jesploraw kif il-ħajja tal-passat u dik tal-preżent tar-residenti fl-ambjent urban jiltaqgħu u huma marbutin mat-temi tal-imħabba, it-telfa u x-xewqa, b’mod partikulari permezz tal-esperjenza tagħhom tal-bidliet demografiċi u t-trasformazzjonijiet tal-ambjent urban innifsu.

 

Is-Sejħa Miftuħa għall-Parteċipanti

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tistieden lil studenti li qegħdin jagħmlu korsijiet (fi kwalunkwe qasam) mill-edukazzjoni terzjarja biex jissottomettu proposti ta’ proġetti għal mobile lab biex jittella’ f’Birżebbuġa f’Lulju u Awwissu 2018; il-mobile lab għandu jservi ta’ pjattaforma għal interazzjoni mar-residenti u huwa mistenni li jkun marbut tematikament ma’ stejjer, miti u narrattivi dwar l-imħabba, it-telfa u x-xewqa.

 

Il-Mobile Lab se jkun mezz biex jistimula lin-nies biex:

  • Jesploraw l-esperjenza personali b’rabta mal-lokalità tagħhom, il-komunità, l-ispazju pubbliku, il-memorja u l-legat pubbliċi;
  • Jorbtu aspett personali u emozzjonali mill-ħajja tagħhom ma’ spazju pubbliku u esperjenzi tanġibbli;
  • Jibbenefikaw u jikbru permezz tal-qsim tal-esperjenzi tagħhom ma’ xulxin;
  • Jersqu iktar viċin tal-komunità u l-ispazju pubbliku billi joħolqu xi ħaġa ġdida u innovattiva.

Il-proposta għall-Mobile Lab għandha tintegra proċess ta’ dokumentazzjoni (fi kwalunkwe medium) bħala element ċentrali, li għandu jintuża mill-Fondazzjoni Valletta 2018 waqt l-edizzjoni tal-2018 tal-workshop internazzjonali Design4DCity. Id-dokumentazzjoni pprovduta għandu jkollha komponent li jista’ jiġi kkomunikat permezz ta’ mezzi diġitali. Il-parteċipant magħżul se jingħata mentor artistiku internazzjonali biex jiggwidah tul l-implimentazzjoni tal-proġett. Dawk interessati huma mitluba jibagħtu s-CV tagħhom, letter of intent u l-proposta tal-proġett f’dawn id-dati:

Tnedija tas-sejħa: It-Tlieta 20 ta’ Marzu, f’nofsinhar

Data tal-għeluq: Il-Ġimgħa 6 ta’ April, f’nofsinhar

Ħruġ tar-riżultati: Il-Ġimgħa 20 ta’ April (permezz ta’ email)

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fuq dan l-indirizz [email protected].

Il-proposti jkunu assessjati skont dawn il-kriterji:

  • il-qawwa, l-oriġinalità u kemm ikun effettiv il-kunċett biex jintrabat mal-kwistjonijiet tematiċi identifikati;
  • kemm ikunu effettivi l-interventi proposti biex jgħaqqdu l-lokalità, ir-residenti tagħha u narrattivi urbani lokali u t-tħassib;
  • kemm ikun effettiv l-użu ta’ riżorsi finanzjarji pprovduti u l-użu addizzjonali propost ta’ riżorsi finanzjarji u oħrajn li mhumiex;
  • is-saħħa tal-kunċett għad-dokumentazzjoni tal-proċess bħala mezz kif ikunu trażmessi u komunikati l-proġett u dak li joħroġ minnu.

 

Il-parteċipant magħżul jidħol fi ftehim mal-Fondazzjoni Valletta 2018 li jiddetermina t-termini tax-xogħol tal-artist fuq il-proġett tal-Mobile Lab.

L-artist magħżul jingħata allokazzjoni ta’ €1,000, li jikkonsistu f’€250 bħala artist fee u €750 biex ikopru l-ispejjeż tal-produzzjoni u d-dokumentazzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett tal-Mobile Lab, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sur Andrea Stegani fuq [email protected] jew 21242018.

 

Image result for co-funded by the creative europe programme of the european unionorfeomajnunlogo