Il-Fondazzjoni Valletta 2018, li hija responsabbli mit-tħejjija u mit-twettiq bis-sħiħ tal-ħidma tagħha favur il-Belt Valletta bħala Belt Kulturali Ewropea 2018, teħtieġ is-servizzi professjonali ta’ Uffiċjal għall-Kontabbiltà tal-Ipprogrammar.

Ir-responsabbiltajiet ewlenin jinkludu l-għoti ta’ assistenza lit-Tim tal-Ipprogrammar tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fir-rendikont aġġornat tal-kontabbiltà tal-proġetti tal-ipprogrammar u l-ħidma mill-qrib mat-Tim tal-Kontabbiltà tal-Fondazzjoni.

Din l-opportunità toffri esperjenza impenjattiva fi ħdan tim żgħażugħ, dinamiku u motivat li qed jaħdem favur it-tħejjija u t-twettiq tal-ħidma tal-Fondazzjoni favur il-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.

L-applikant magħżul għandu jirrapporta għand il-Kordinatur tal-Ipprogrammar u għand id-Direttur Eżekuttiv.

 

Objettiv tal-Impjieg

Din il-kariga tinvolvi l-għoti ta’ għajnuna professjonali lit-Tim tal-Ipprogrammar tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fir-rendikont aġġornat tal-kontabbiltà tal-proġetti tal-ipprogrammar b’mod konformi mal-prattika tajba, mal-istandards tal-kontabbiltà xierqa u mal-infurzar tar-regolamenti.
Dmirijiet u Responsabbiltajiet Ewlenin

  • L-għoti ta’ appoġġ lit-Tim tal-Ipprogrammar fil-qadi tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom fis-servizz taż-żamma tal-kotba, fit-tħejjija ta’ kull xahar tal-proċess tal-ġestjoni tal-kontabbiltà u fit-tfassil minn żmien għal żmien ta’ rapporti u preżentazzjonijiet
  • It-tħejjija ad hoc ta’ rapporti kif ikun mitlub u l-għoti fil-ħin ta’ rispons preċiż dwar kull kwistjoni li tqajjem it-treġija superjuri
  • Ir-riċerka tal-bażi li għandha tittieħed fir-rigward tal-pożizzjoni fiskali
  • Il-ħolqien ta’ verżjoni kkonsolidata tal-baġit għall-approvazzjoni tat-treġija u l-analiżi ta’ kull xahar tal-baġit tad-dipartiment u tar-rapporti baġitarji sabiex jinżamm kontroll fuq l-infiq
  • Il-konsultazzjoni mal-ġesturi relevanti sabiex jiżgura li l-aġġustamenti baġitarji tassew isiru skont il-bidliet fil-program
  • It-tħejjija tas-sommarji baġitarji u t-tressiq ta’ rakkomandazzjonijiet għall-approvazzjoni jew għad-diżapprovazzjoni tat-talbiet għall-fondi
  • Il-promozzjoni mal-organizzazzjoni kollha tal-baġit approvat u l-kjarifiki ta’ kwistjonijiet relevanti kif ikun mitlub
  • Il-paragun tal-projezzjonijiet baġitarji mal-baġit attwali fi tmiem kull perjodu rapportabbli u r-rapportar dwar avariji sinifikanti
  • Iż-żamma ta’ rekords tax-xogħol imwettaq
  • It-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet baġitarji favur it-titjib u l-iżvilupp tal-funzjonijiet tat-Tim tal-Ipprogrammar fir-rigward tal-kuntratti
  • Il-parteċipazzjoni f’laqgħat tal-persunal u tat-tim meta din tkun xierqa u meħtieġa
  • It-twettiq b’mod xieraq u professjonali ta’ dmirijiet oħra li jistgħu jiġu assenjati minn żmien għal żmien


Kwalifiki u Esperjenza

  • Grad ta’ Baċellerat bl-Unuri fil-Kontabbiltà miksub mill-Università ta’ Malta JEW il-Kwalifika ACCA, JEW prova li l-applikant ikun wasal fl-aħħar stadji tal-kisba ta’ dawn il-kwalifiki
  • Il-kandidati li jkunu midħla tal-liġijiet tat-Taxxa tad-Dħul u tal-kapaċitajiet baġitarji jingħataw preferenza
  • Il-kandidati b’esperjenza fl-użu tal-pakkett Access Dimensions Accounts jingħataw preferenza
  • Il-kandidati b’għarfien ġenerali tar-Regolamenti tal-Appalti Pubbliċi tas-Servizzi u tar-Regolamenti Ġenerali tal-Impjiegi jingħataw preferenza

Kompetenzi

  • Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw u jiktbu b’Malti u b’Ingliż tajjeb
  • Il-kandidati għandhom jagħtu prova ta’ ħila fil-ħidmiet analitiċi u fil-kitba ta’ rapporti tajbin
  • Il-kandidati għandhom ikunu litterati fl-informatika u jkollhom esperjenza f’softwers relevanti
  • Il-kandidati għandhom ikunu kapaċi jaħdmu skont skadenzi fissi
  • Il-kandidati għandu jkollhom kondotta tal-pulizija tajba

 

Skadenza

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu flimkien ma’ CV dettaljata fuq l-email [email protected] sa mhux iżjed tard minn nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru 2016.