Minn mużika Medjevali għall-Għana tradizzjonali Malti u rap kontemporanju, artisti differenti se jingħaqdu flimkien f’lejla waħda biex juru d-diversità fl-istili li evolvew mill-mużika tradizzjonali u mill-kant. Ir-raħal sabiħ taż-Żejtun, magħruf lokalment bħala l-benniena tal-għannejja, joffri ambjent ideali fejn komunitajiet differenti jiltaqgħu biex iħalltu, iqabblu u joħolqu kuntrast permezz ta’ rappreżentazzjonijiet mill-aktar rikki.
Dan kollu jinkludi: sett mużikali Medjevali mill-banda Bibita, R.E.A., id-duo tal-mużika hip hop Marmalja, l-artista tal-mużika elettronika Yews, sessjonijiet tradizzjonali ta’ Għana u Makjetta; wirja b’taħlita ta’ mużika u letteratura mill-grupp Spazjarti; u sessjonijiet ta’ ħsejjes vokali u spirtu pront ispirati minn fomm l-udjenza preżenti. Bi tħejjija għall-avveniment prinċipali fit-18 ta’ Awwwissu, se jsir workshop dwar it-teknika fil-produzzjoni tal-arti viżiva u l-kitba kreattiva fis-17 ta’ Awwissu.
Serata Għana u Lejla Rap se tittella fi Ġnien l-Għannejja Żwieten fiż-Żejtun mis-7pm ‘il quddiem.