Silent Scream huwa xogħol teatrali li jinvolvi d-drama u l-pupazzi, li qed jiġi organizzat mill-Kulleġġ San Benedittu, Kirkop u bil-kollaborazzjoni ta’ More or Less Theatre għall-kitba tal-iskript, pupazzi u workshops tad-drama, u l-Mro Ray Sciberras għall-kompożizzjoni tal-mużika għall-iskript. Il-prodott finali se jkun kollaborazzjoni bejn l-istudenti, li jagħmel ir-riżultat aħħari sforz kollettiv ta’ grupp divers ħafna. Dan ix-xogħol se jittella’ f’6 skejjel differenti.
Il-proġett se jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ studenti li jiġu minn sfondi differenti, u li għandhom numru ta’ ħiliet. Permezz tal-kooperazzjoni ma’ artisti li se jiġu minn barra u minn ġewwa l-iskola, l-abbiltajiet u l-esperjenzi tal-istudenti se jingħaqdu flimkien permezz ta’ diversi dixxiplini biex tinħoloq biċċa xogħol teatrali innovattiva, bil-għan li tinħoloq riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika fil-komunitajiet lokali.
Silent Scream ifittex li jipproduċi xow portabbli li jittratta bosta kwistjonijiet li jiffaċċjaw l-istudenti. Huwa għodda li jgħin lill-istudenti biex joħorġu t-tensjonijiet akkumulati tagħhom, u jrawmuhom b’mod li jirnexxilhom jesprimuhom fi prestazzjoni kreattiva li tinvolvi l-pupazzi u d-drama. L-idea hi li kulħadd jista’ jasal u l-iskola tista’ tgħin lill-istudenti tagħha fil-ħiliet kreattivi tagħhom.
Dan ix-xogħol qed jiġi żviluppat sabiex jista’ jiġi mtella’ f’postijiet differenti permezz ta’ tour minn gruppi differenti ta’ studenti fis-snin li ġejjin, li jagħti lil studenti futuri l-opportunità li jtellgħu l-biċċa xogħol u jiżviluppaw il-futur tagħhom billi jinkludu l-ħsibijiet, il-personalitajiet u l-esperjenzi tagħhom.
Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.