Is-suġġett ta’ diskussjoni prinċipali se jkun il-Parteċipazzjoni Kulturali fis-simpożju nazzjonali li se jsir f’Ġunju. Is-simpożju se jippreżenta s-sejbiet ewlenin minn stħarriġ nazzjonali li sar fl-2016. L-istudju, ikkummissjonat mill-Kunsill Malti tal-Arti (ACM) bħala parti mill-programm tar-riċerka tiegħu, jibni fuq l-istħarriġ tal-2011 u jidħol iktar fil-fond fi kwistjonijiet attwali tal-parteċipazzjoni kulturali. Is-sejbiet ewlenin mill-istħarriġ se jiġu ppreżentati matul simpożju ta’ nofs jum li se jsir fil-21 ta’ Ġunju fit-Teatru tal-Campus tal-Belt Valletta (eks-MITP).
Is-sejbiet se jiġu wkoll miġbura f’numru ta’ pubblikazzjonijiet ikkummissjonati mill-Kunsill Malti tal-Arti – inkluż għażla ta’ esejs kritiċi minn 10 kontributuri b’għarfien espert minn oqsma differenti. Flimkien ma’ dan, il-Fondazzjoni Valletta 2018 ikkummissjonat analiżi dettaljatat tas-sejbiet minn Dr Marie Briguglio, li se tkun ukoll preżenti fis-simpożju. Michael Deguara, membru tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-Evalwazzjoni u l-Monitoraġġ tal-Valletta 2018, se jkun qed jippreżenta dokument dwar is-suġġett tal-parteċipazzjoni kulturali u l-aċċessibbiltà. Glen Farrugia, li jirrappreżenta s-Segretarjat tal-Università ta’ Malta tal-Valletta 2018, se jkun qed jipparteċipa f’diskussjoni bejn sħab indaqs matul is-simpożju.
Is-sejbiet mill-istħarriġ se jgħinu fit-tfassil ta’ politika futura bbażata fuq l-evidenza u joħolqu diskussjoni dwar il-valur tal-kultura u konversazzjonijiet fl-isfera pubblika li jispiraw aktar esplorazzjoni dwar dan is-suġġett kumpless u dejjem jevolvi.
L-istħarriġ tal-2016, li ġie mfassal b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u l-Fondazzjoni Valletta 2018, imur lil hinn minn studji oħrajn billi jipprova jesplora għalfejn in-nies jagħżlu li jipparteċipaw – jew le – f’attivitajiet kulturali billi jiskopri l-attitudnijiet, preferenzi u stili tal-ħajja tagħhom. Din id-dejta tista’ tintuża biex isiru profili ta’ udjenzi mhux biss skont id-demografika iżda wkoll permezz ta’ fatturi psikografiċi (ibbażati fuq il-valuri).
L-NSO wettqet il-proċess tal-ġbir tad-dejta b’kampjun gross ta’ 1,500 persuna, li minnhom ipparteċipaw 75%. Tmienja u tletin intervistatur ġew reklutati għal intervisti wiċċ imb wiċċ, li saru f’Novembru tal-2016; metodu li wassal għal rata ta’ rispons ogħla mill-2011 kif ukoll għal kjarifika ta’ mistoqsijiet ibbażati fuq il-perċezzjoni.
Is-simpożju tal-Istħarriġ tal-Parteċipazzjoni Kulturali huwa mmirat għal maniġers kulturali, persuni li jfasslu l-politiki, riċerkaturi, negozjaturi u produtturi tal-arti fis-setturi tal-arti, il-wirt u l-midja u se jsir fil-21 ta’ Ġunju 2017, 8.30am fit-Teatru tal-Campus tal-Belt Valletta, il-Belt Valletta. Ir-reġistrazzjoni hija b’xejn u tista’ ssir billi tibgħat email fuq [email protected]. Il-pubblikazzjonijiet se jkunu wkoll disponibbli għal download b’xejn minn www.artscouncilmalta.org wara s-seminar.