Immexxija mill-Professur Raphael Vella u organizzata minn Valletta 2018, l-Iskola Kuratorjali tospita kelliema internazzjonali minn diversi istituzzjonijiet; toffri programm ta’ lekċers u workshops imfassla biex jintroduċu prattiki u filosofiji ta’ kurazija ġodda fix-xena lokali, filwaqt li tiftaħ ukoll il-bieb għal diskussjonijiet dwar l-oqsma kollha tal-prattika tal-kurazija tal-lum.
L-Iskola Kuratorjali hija mfassla biex taġixxi bħala opportunità għall-iżvilupp tal-kapaċità u għat-taħriġ għal prattikanti u studenti f’varjetà ta’ oqsma relatati – bħall-belle arti, l-edukazzjoni tal-arti, l-amministrazzjoni tal-arti, il-kurazija u l-istorja tal-arti. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw l-ideat kuratorjali tagħhom u jirċievu feedback mill-kelliema mistiedna.