Is-sena 2018 ser tkun il-palk li jippreżentalkom belt kapitali iktar vibranti u akkoljenti – u l-ispettaklu speċjali ta’ wara mhu ser ikun xejn inqas! Għal dakinhar ħa jkollna ħafna sorpriżi għalikom, u nħarsu bi ħġarna li nospitawkom kollha fil-qalba tal-belt kapitali għal ċelebrazzjoni meraviljuża li ttemm il-mandat tagħna bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura. Stennew lista spettakolari ta’ spettakli lajv, mużika… u xi sorpriżi oħrajn ukoll. Is-suċċess ta’ kwalunkwe Kapitali Ewropea tal-Kultura għandu għeruq fondi fil-passjoni, l-immaġinazzjoni, l-appoġġ, id-dedikazzjoni, l-entużjażmu u l-ġenerożità tal-komunitajiet tagħha.
Huwa tassew minnu – bħal kull festa tradizzjonali – li l-Ispettaklu tal-Għeluq ta’ Valletta 2018 huwa kollu kemm hu ċelebrazzjoni tal-komunità, tal-ħajja u tal-kultura waqt li jinħolqu ħbiberiji ġodda. Flimkien biss nistgħu verament niċċelebraw is-sena avvenimenti, inizjattivi u attivitajiet inkredibbli bl-istess impenn u mħabba li wrejna biex għamilna l-programm ta’ Valletta 2018. Mela niżżluha fid-djarju u ingħaqdu mal-mistiedna, mal-viżitaturi, mal-artisti, mal-kuraturi, mar-residenti, mal-voluntiera ‘Tal-Kultura’ u mat-tim ta’ Valletta 2018 f’avveniment tal-għeluq vivaċi li jagħti ġieħ lid-diversità kreattiva li teżisti fil-Gżejjer Maltin, fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Dawk li jattendu għall-Aħħar Festa jistgħu jibbenefikaw minn rati speċjali meta jużaw il-mezzi ta’ trasport sostenibbli pprovduti minn Nextbike u Tallinja Bikes. Uża l-kodiċi 863386 meta tikri Nextbike, għal vjaġġ ta’ 60 minuta lejn jew lil hinn mill-Belt bla ħlas. Il-kodiċi tista’ tintuża darbtejn, għal żewġ vjaġġi separati. Is-servizz ta’ Tallinja Bikes se jkun disponibbli wkoll għall-ivvjaġġar ġewwa l-Belt, bi skont ta 50% waqt L-Aħħar Festa. Termini u kundizzjonijiet japplikaw. Aktar informazzjoni, inkluż dwar loġistika u arranġamenti tat-trasport, hawn.
Ara l-Programm:
Pjazza San Ġorġ
Palk ewlieni; 6.30pm ‘il quddiem
Gawdi minn taħlita vivaċi ta’ mużika, artisti live u projezzjonijiet bid-dwal, biex flimkien insellmu lis-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Bil-preżentazzjoni ta’ Svetlana Muscat u Mireille Bonello. Mużika minn DJ NeoX.
From Malta with Love; 7.15pm
Rappreżentazzjoni kontemporanja mill-Moveo Dance Company li tesplora diversi elementi tal-kultura Maltija mill-għajnejn ta’ erba karattri partikolari.
Commemorating the European Capital of Culture; 8pm
Kun parti minn dan il-mument importanti tal-istorja tal-belt kapitali hekk kif il-Belt Valletta tgħaddi t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura lill-bliet li jmiss, Matera u Plovdiv 2019.
Valletta 2018 Chorus; 8.15pm
Il-kor ta’ Valletta 2018 se jippreżenta selezzjoni mir-rappreżentazzjonijiet li ta fil-ftuħ ta’ Valletta 2018, li se tinkludi wkoll xi sorpriżi.
Big Dancers; Pjazza Tritoni, Misraħ l-Assedju l-Kbir, Pjazza San Ġorġ, mill-5.30pm ‘il quddiem
Rappreżentazzjoni kkulurita fil-qalba tal-Belt Valletta, li ċertament se ssaħħar liż-żgħar u lil dawk żgħar fl-ispirtu, li tinkludi l-marjonetti ġganti ta’ Big Dancers.
Tribali; 9pm
Il-grupp rinomat lokali Tribali joħloq dinja mużikali mifruxa f’diversi ġeneri fil-qalba tal-Belt Valletta, grazzi għall-ħoss uniku u eklettiku tagħhom.
Ozzy Lino & Brass House Unit; 10.30pm
Il-kantant u kompożitur Ozzy Lino u l-ħsejjes friski u moderni ta’ Brass House Unit se jwasslu atmosfera tajba grazzi għal repertorju ta’ diski dinamiċi, li jġegħluk ittektek saqajk u tkanta magħhom.
Aktar attivitajiet fil-Belt Valletta
Memory Wall; Diversi siti fil-Belt Valletta, 9am ‘il quddiem
Żomm għajnejk miftuħa għal tpenġija li tkun qed issir fil-ħin reali minn artisti multidixxiplinari, li se joffru l-ħarsa tagħhom dwar aspetti differenti ta’ Valletta 2018 kif ukoll immaġni artistika tal-passaġġ lejn il-Kapitali Ewropea tal-Kultura li jmiss.
Not Just the City; Spazju Kreattiv, 10am ‘il quddiem
Din l-esibizzjoni ġiet imfassla minn programm internazzjonali kollaborattiv ta’ artisti f’residenza koordinat minn Valletta 2018 u l-Fondazzjoni Kreattivitá.
MUŻA Open Day; Berġa tal-Italja, 10am ‘il quddiem
Mur ħu kafè jew naqqar xi ħaġa fil-kafetterija jew fir-ristorant fil-bitħa, lesti naqra xiri ta’ żmien il-festi fil-concept store ta’ MUŻA … iżda aktar minn hekk, tinsiex iżżur il-galleriji tal-arti tagħna għal dik id-doża personali ta’ MUŻA.
Sempre Viva; Bitħa tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, 10am ‘il quddiem
Imsemmi għall-pjanta reżistenti indiġena li tixxeblek mal-blat ta’ xatt il-baħar tal-Gżejjer Maltin, Sempre Viva huwa xogħol ġdid maħluq min materjal li nġabar mill-proġett transmedia kontinwu ta’ Charlie Cauchi, Latitude 36.
Valletta Design Cluster Open Day, 11am ‘il quddiem
Il-Valletta Design Cluster, bħalissa fil-fażi ta’ reġenerazzjoni mis-sit tal-Biċċerija l-Antika, se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku ġenerali. Tours iggwidati se jkunu offruti mill-11am sat-3pm, u huwa meħtieġ li tibbukkja post. Gruppi żgħar ta’ massimu 10 persuni kull wieħed se jittieħdu fil-bini, fejn membru tal-istaff se jitkellem dwar il-passat, il-preżent u l-futur tas-sit tal-Biċċerija l-Antika, filwaqt li jipprovdi pariri dwar l-użu futur tal-faċilità u l-viżjoni tal-Valletta Design Cluster. Biex tibbukkja, ibgħat email fuq [email protected]. Għal aktar informazzjoni, żur l-attività fuq Facebook hawnhekk.
(*Aġġornament: bidla fil-post*) Mewġa Mużika; Misraħ il-Ħelsien Pjazza Teatru Rjal, 4.30 u 5.30pm
Diversi membri mill-orkestra Mewġa Mużika se jieħdu r-riedni minn Ondamarela u jdoqqu flimkien filwaqt li jikkondividu l-imħabba tagħhom lejn il-mużika mal-pubbliku.
Magna Żmien; Taħt l-arkati fi Triq it-Teatru l-Antik, 5pm ‘il quddiem
Titlifx dan iċ-ċans biex issegwi n-narrattivi viżwali li ġew magħmula matul il-proġett Magna Żmien. Tista’ wkoll tinteraġixxi mal-Magna ta’ Memorji Meraviljużi, magħrufa wkoll bħala Kapsula Merill.
Ballroom; Is-Suq, 6pm
Din ir-rappreżentazzjoni kollaborattiva bejn ŻfinMalta u Valletta 2018 hija ispirata mill-proġetti li involvew il-komunitajiet, Jump u Dance4All. Iż-żfin kontemporanju, l-arti performattiva u d-djalogu jingħaqdu biex joffru esperjenza rikka ta’ ballu.