Square jinkoraġġixxi lis-segwaċi biex jinterpretaw ir-realtajiet soċjali kontemporanji permezz tal-arkitettura u l-kunċett tal-iffullar, f’relazzjoni mal-bini, iz-zoni u t-territorji li jkunu disponibbli.
Square huwa l-ħolma tal-artisti Willi Dorner u Lisa Rastl, li x-xogħol tagħhom ta’ spiss jinkludi motivi arkitetettoniċi u kwistjonijiet marbutin mas-soċjetà. L-artisti ntlaqtu minnufih mid-densità għolja tal-popolazzjoni Maltija, u għaldaqstant din isservi bħala punt ta’ tluq għal Square. Sitta u tlettin membru tal-pubbliku jiffurmaw sitt linji u sitt ringieli f’postijiet differenti f’Malta u Għawdex.
Dan il-grupp varjat se jkun imlibbes ilbies iswed u abjad, b’kull ġisem jirrappreżenta kejl bażiku hekk kif jiġi f’kuntatt mal-ambjent ta’ madwaru. Il-programm ta’ Valletta 2018 qed jilqa’ immaġini ta’ dawn il-kreazzjonijiet, li huma mfassla biex jisiltu ħsibijiet dwar il-ġejjieni tal-popolazzjoni urbana tagħna li qed tikber b’rata mgħaġġla.
Bl-għan li jisiltu ħsibijiet dwar il-ġejjieni tal-popolazzjoni urbana tagħna li qed tikber b’rata mgħaġġla, wirja fotografika mhux tas-soltu se tiġi armata fi spazji pubbliċi madwar il-Gżejjer.