TACTILE: 12 Concealed Sculptures huwa proġett tal-arti viżiva maħsub biex qatt ma jidher. Filwaqt li jgħaqqad flimkien ix-xogħlijiet ta’ skulturi Maltin, Ġappuniżi u oħrajn internazzjonali fi spazju nieqes minn kwalunkwe forma ta’ dawl, TACTILE mhu se tħalli l-ebda mod ieħor biex l-udjenza tifhem ix-xogħlijiet tal-arti jekk mhux bis-sens tal-mess. Dan l-ambjent viżwalment impenetrabbli se jistieden lill-pubbliku ġenerali biex jinteraġixxu mal-wirjiet b’esperjenza li sseħħ purament bil-mess. Billi dawn l-iskulturi jiġu moħbija mill-għajn, il-proġett għandu l-għan li jitneħħa kwalunkwe kunċett stabbilit minn qabel tal-proċessi ‘normali’ ta’ kif tiġi perċepita l-arti viżiva esklussivament billi taraha.

TACTILE tpoġġi individwi neqsin mid-dawl b’mod ugwali mal-bqija tal-komunità. L-esibizzjoni se tiżvela lil dawk neqsin mid-dawl dinja li, fin-natura tant viżwali tagħha, tipikament teskludihom milli jagħmlu parti minnha. Se ‘tiftaħ għajnejn’ il-pubbliku ġenerali, li se jkun involut fl-att li jipperċepixxi l-iskultura bl-istess mod kif jagħmlu huma. B’dan il-mod, TACTILE se tipprova tnaqqas id-distakk tal-prattiċi tal-perċezzjoni li jissepara lil dawn iż-żewġ komunitajiet, bit-tama li twassal għal fehim aktar mill-qrib permezz ta’ esperjenza komuni sensorjali.

TACTILE hija sponsorjata mill-Valletta Design Cluster u mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u tagħmel parti mill-kollaborazzjonijiet EU Japan Fest.

L-esibizzjoni se tittella’ fil-Kampus tal-Università tal-Belt Valletta bejn il-5 t’Ottubru u l-4 ta’ Novembru 2018. Hija miftuħa għall-viżitaturi bejn it-8am u l-5pm; is-Sibtijiet mill-10am sa 2pm; u l-Ħadd 4 ta’ Novembru (l-aħħar ġurnata tal-esibizzjoni) se tkun miftuħa wkoll mill-10am sas-2pm. L-aħħar dħul isir 30 minuta qabel il-ħin tal-għeluq.

L-ispazju tal-esibizzjoni se jospita tnax-il biċċa xogħol artistika individwali mill-parteċipanti Omura Shunji, Kunie Fujiyoshi, Takashi Yukawa (Ġappun), Claire Fontana (Franza), Adriano Ciarla (Italja), Raymond Azzopardi, Joseph Chetcuti, Jonathan Galea, Noel Galea Bason, Paul Scerri, Jesmond Vassallo u John Vassallo (Malta).

Żur tactileproject.com għal aktar informazzjoni.