Il-belt ta’ Leeuwarden fl-Olanda, li hija wkoll il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien ma’ Valletta, qed torganizza proġett biex tiksi 5 grawnds tal-futbol b’kutra tal-ganċ magħmula bl-idejn permezz ta’ suf ipprovdut. Dan il-proġett għandu juri l-qawwa, is-sens ta’ merħba, diversità, għaqda u l-aspett kulurit tas-soċjetà tagħna. Malta wkoll kienet mistiedna tieħu sehem, minħabba li l-belt kapitali tagħna se tkun ukoll il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Wieħed mill-għanijiet ta’ din l-attività huwa li tippromwovi l-għaqda fost il-popli. Dan il-proġett internazzjonali jimmira li jkun inkluż ukoll fil-Guinness Book of Records. Wara li jintemm dan l-avveniment fl-Olanda, il-kutri jintbagħtu lura minn fejn ikunu oriġinaw u jitqassmu f’istituzzjonijiet tal-karità differenti. F’Malta ddeċidejna li nqassmuhom f’għadd ta’ istituzzjonijiet li jaħdmu ma’ min hu inqas ixxurtjat fis-soċjetà tagħna, bħal djar għal min m’għandux saqaf fuq rasu, djar tal-anzjani, djar tat-tfal, eċċ.
Grupp ta’ nies minn madwar Malta u Għawdex li jħobbu jagħmlu dan ix-xogħol tal-idejn għenu f’din l-attività. Fosthom kien hemm membri mill-Malta Lace Club, Malta Cross Stitch Club, mis-Soċjetà Maltija tal-Arti u individwi oħrajn. Għall-aħħar sena u nofs dawn kienu qegħdin jaħdmu biex jagħmlu dawn il-kutri, li saru minn suf riċiklat meħud minn ħwejjeġ tas-suf antiki. L-għan kien li jsiru 50 kutra, iżda l-entużjażmu tant kien kbir li flimkien irnexxielhom ilestu iktar minn 150 kutra.
Għadd ta’ persuni ħadmu flimkien: xi wħud fetqu s-suf l-antik u għamluh f’kobob, oħrajn ħadmu l-kwadretti, filwaqt li oħrajn għaqqduhom f’kutri. Dawn il-kutri huma magħmulin mill-forom granny’s squares żgħar ta’ 10cm x 10cm magħqudin f’kutra kbira ta’ 140cm x 200cm.
Qabel ma jintbagħtu dawn il-kutri f’Leeuwarden, se jkunu għall-wiri fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u l-pubbliku ġenerali jista’ jmur jarahom fl-24 ta’ Frar 2018.
Uħud mill-kutri se jkunu esibiti fis-Soċjetà Maltija tal-Arti fil-Belt Valletta mid-9 sas-16 ta’ Frar 2018, u wkoll fl-HSBC tal-Belt Valletta mid-19 sat-28 ta’ Frar 2018.
Dan il-proġett appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.