Din l-esibizzjoni transkulturali toħloq mill-ġdid l-atmosfera ta’ majlis—l-ispazju tal-ospitalità u d-djalogu preżenti fid-djar matul il-Golf Għarbi—li joffri lill-mistiedna l-opportunità ta’ skambju ta’ ideat dwar kemm teżisti bażi komuni bejn kulturi differenti, u kif dawn l-affarijiet komuni ġew espressi fit-teknoloġija, fl-arti u fil-kultura.

Il-majlis ċentrali u l-artefatti magħżula li jiffurmaw l-esbizzjoni huma testimonju tal-ġmiel u l-istejjer li rriżultaw minn sekli ta’ djalogu interkulturali. F’dan iż-żmien ta’ diversi qasmiet kulturali, viżitaturi jistgħu jesploraw il-kwistjoni ta’ kif il-kultura tista’ tiffaċilita d-djalogu: djalogu kapaċi li jaqsam il-fruntieri u jespandi l-orizzonti tal-fehim tagħna ta’ persuni u postijiet oħrajn.

The Majlis – Cultures in Dialogue jagħmel parti minn proġett ikbar li jfittex li jgħaqqad in-nies, it-twemmin u l-kulturi flimkien billi joffri pjattaforma għal djalogu ta’ rispett iżda intelliġenti. Flimkien ma’ programm ta’ konferenzi u attivitajiet edukattivi, il-wirja hija mfassla biex tinkoraġġixxi lill-viżitaturi jirreaġixxu għal dak li qed jaraw u jikkondividu l-istejjer tagħhom stess, filwaqt li jinħoloq djalogu bejn il-Punent u l-Lvant, bejn iż-żgħar u l-kbar, bejn il-passat u l-futur.

The Majlis – Cultures in Dialogue huwa organizzat bl-inizjattiva ta’ Sheikh Faisal Bin Qassim Al-Thani Museum, bi sħubija mal-Uffiċċju Doha u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni, il-Kultura u x-Xjenza tal-Qatar. Il-parti tal-esibizzjoni li se ssir Malta, sponsorjata minn Shell u BNF Bank, se tittella’ bi sħubija ma’ Heritage Malta u l-Palazz tal-Granmastru fil-Belt Valletta mill-15 ta’ Settembru sat-28 t’Ottubru, taħt il-patroċinju tal-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta, l-Altezza Tiegħu Sheikh Tamim Bin Hamad Al Thani, Emir tal-Istat tal-Qatar, u l-Kummissjoni Nazzjonali Maltija għall-UNESCO.

The Majlis – Cultures in Dialogue hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.