Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tappoġġa b’mod attiv il-proġett The Maltese Islands Festival – pjattaforma kompetittiva għal persuni li jipprattikaw u jistudjaw b’delizzju l-arti tal-ispettaklu. Il-Festival ifittex li joħloq iktar opportunitajiet ta’ prestazzjoni għall-artisti involuti f’dan il-qasam. Għandu wkoll l-għan li joħloq atmosfera ta’ għaqda, relatabbilità u divertiment bejn il-parteċipanti u l-udjenza, biex b’hekk iħaddan fih wieħed mill-valuri ewlenin tal-Fondazzjoni, iċ-ċittadinanza.
Imtella’ flimkien mal-voluntieri tal-kultura, il-Festival miftuħ għat-tfal u għall-adulti attivi f’diversi ġeneri pop/moderni jew klassiċi, fosthom il-mużika, iż-żfin, il-kant u d-drama. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll minn gruppi. Il-parteċipanti ser jagħtu prestazzjoni skont il-kategorija magħżula minnhom quddiem udjenza pubblika u ġudikatur internazjonali kkwalifikat fil-qasam rispettiv. L-erba’ ġudikaturi miġjuba apposta minn barra ser jiffissaw livelli internazzjonali ta’ benchmarking u perspettivi oġġettivi minn esperti.
Ser jingħataw midalji u plakki lill-aqwa artisti f’kull kategorija. B’danakollu r-rebbieħa jingħataw premju biss jekk fil-kategorija tagħhom ikun intlaħaq livell għoli biżżejjed. Il-Festival ser iressaq ukoll rapport lill-British and International Federation of Festivals sabiex jiżgura li l-ġestjoni u l-preżentazzjoni tal-Festival ikunu konformi mal-prattiki tas-sħab internazzjonali tagħhom.
Il-Festival ser isir fil-Kavallier San Ġakbu (fit-teatru, fil-kamra tal-mużika u fiċ-ċinema) fit-2, it-3 u l-4 ta’ Diċembru bħala parti mill-programm staġonali ta’ Spazju Kreattiv.