Erbatax-il mużiċist klezmer (Yiddish) u lautari (Roma) ewlenin ser jingħaqdu biex imexxu esperjenza multikulturali. Imfassla u ggwidata minn Alan Bern u ffinanzjata b’għotja mill-Unjoni Ewropea, din il-prestazzjoni tippreżenta supergrupp li joħloq mużika qawwija li tmiss l-emozzjonijiet mill-qiegħ. Il-ħoss tagħhom huwa ħoss kollettiv li jirreżona koperazzjoni antika sekli bejn żewġ gruppi li kienu jgħixu fl-istess spazju tal-Moldova ta’ żmienna qabel ma nfirdu kaġun tal-gwerra, tal-olokawstu u tal-immigrazzjoni.
Bil-preżentazzjoni ta’ solisti distinti minn seba’ pajjiżi, The Other Europeans – li ngħata l-premju Best Practices in Favour of the Roma Community mill-Kummissjoni Ewropea – ifittex li jibni rapporti kulturali ġodda, prinċipalment bejn żewġ popli li spiss jitqiesu Ewropej b’mod mariġnali biss, iżda li madankollu kellhom rwol ewlieni fil-ħolqien u fix-xandir tat-tradizzjonijiet mużikali Ewropej. The Other Europeans se tinkludi wkoll lil The Hot Club of Valletta, immexxija minn George Curmi l-Puse.
The Other Europeans se tittella’ fl-Awditorju ta’ Sant’Agata, ir-Rabat, fit-3 ta’ Frar 2018. Ixtri l-biljetti minn hawn.