It-Three Palaces Festival – festival ta’ ġimgħa b’kunċerti mtella’ f’binjiet impressjonanti u storikament importanti – qiegħed isir appuntament importanti fil-kalendarju kulturali Malti. Il-programm ta’ din is-sena għal darba oħra jinkludi artisti Maltin u barranin b’talent eċċezzjonali. L-edizzjoni ta’ din is-sena ser issir bejn l-4 u t-13 ta’ Novembru.
Il-Festival jittella’ fil-Palazzi Presidenzjali: il-Palazz Verdala fil-Buskett, il-Palazz San Anton Ħ’Attard u l-Palazz tal-Granmanstru tal-Belt Valletta. Dan joffri festa ta’ mużika klassika, moderna u jazz fi dwarijiet li jlaqqgħu flimkien l-istorja mar-rilevanza bla żmien tal-mużika li tindaqq. L-artisti li ser jagħtu l-kunċerti jinkludu s-sopran Ailyn Perez u l- vjolonċellista Steven Isserlis.
It-Three Palaces Festival jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca b’kollaborazzjoni mat-Teatru Manoel u bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018, MSV Life u MGA.
Il-biljetti ser ikunu għall-bejgħ mill-10 ta’ Awissu. Għal aktar tagħrif dwar il-festival żur is-sit elettroniku tal-festival.