Jekk inti interessat li tipparteċipa f’din il-kompetizzjoni kreattiva fejn tidħol biċ-ċans li tirbaħ €2000, applika hawn.

Is-sena 2018 se tara lill-Valletta 2018 tikkollabora mal-festival prestiġġjuż tal-Prix Ars Electronica u l-Ars Electronica f’Linz l-Awstrija, u maċ-Ċentru Xjentifiku Interattiv tal-Esplora biex toħloq il-kompetizzjoni tagħha Under 19 għaż-żgħażagħ ta’ Malta u Għawdex għall-ewwel darba.

Create your world (Oħloq id-dinja tiegħek) hija t-tema u l-motto ta’ din il-kompetizzjoni kreattiva ta’ kull sena li hija miftuħa għaż-żgħażagħ ta’ 19-il sena jew inqas, u li xogħolhom jista’ jieħu kull forma: minn arti diġitali sa mekkanika, teknoloġija, mużika, proġett soċjali jew anki idea innovattiva futuristika dwar id-dinja li ngħixu fiha. Is-sessjonijiet informattivi jistiednu ż-żgħażagħ jitgħallmu aktar dwar il-kategoriji uniċi u l-premjijiet tal-edizzjoni lokali ta’ din il-kompetizzjoni, bis-sejħa għas-sottomissjonijiet miftuħa sal-20 ta’ Mejju 2018 (is-sejħa ġiet estiża).

Ir-rebbieħa lokali se jkunu l-mistiedna tal-unur f’ċerimonja speċjali tal-għoti tal-premjijiet hawn Malta u wara jmorru Linz għall-festival tal-Ars Electronica f’Settembru 2018 (https://www.aec.at/festival/en). Xogħolhom se jittella’ f’edizzjoni speċjali fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza tal-Esplora f’Novembru 2018.

Il-parteċipanti se jissottomettu l-proġett tagħhom permezz ta’ onlajn database fejn se jintalbu jkunu dettaljati kemm jista’ jkun meta jiddeskrivu l-proġett, aktar ma tkun dettaljata d-deskrizzjoni, aktar aħjar. Is-sottomissjonijiet għandhom ikunu bl-Ingliż għax se jkunu evalwati minn ġurija internazzjonali. Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru minn gruppi b’daqs sa 8 persuni, iżda żewġ rappreżentanti mill-grupp biss jistgħu jtiru lejn Linz għall-Ars Electronica Festival jekk il-proġett tagħhom jirbaħ (Termini u kundizzjonijiet japplikaw).

Il-premjijiet li se jkunu offruti f’din il-kompetizzjoni huma dawn:

Il-premju l-kbir ta’ Valletta 2018 – 2000 

Distinction (2 premjijiet) – €600 kull wieħed

Merit (5 premjijiet) – 100 kull wieħed

Il-premju Esplora u10 – 300 u logħba edukattiva speċjali

Il-premju Esplora u14 – €300

 

Jekk inti interessat li tipparteċipa f’din il-kompetizzjoni kreattiva, applika hawn.

 

Iċċekkja dwar ir-rebbieħa passati tal-u19 “Oħloq id-dinja tiegħek” f’Linz l-Awstrija, billi ssegwi din il-ħolqa: https://www.aec.ac/u19/en/prix/ biex tieħu xi ftit ideat dwar kif tista’ tagħmel il-proġett tiegħek. Il-possibilitajiet huma bla limitu-għalhekk, ħaddem il-potenzjali kreattivi tiegħek!

Ara x’kellhom xi jgħidu l-ġurija tal-edizzjoni tal-2016 tal-Prix Ars Electronica tal-kategorija tal-u19 “Oħloq id-dinja tiegħek” dwar din il-kompetizzjoni!

 

 

U19 Malta: Create Your World hija organizzata mill-Ars Electronica Linz GmbH & Co KG u Valletta 2018 f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza l-Esplora.