M’hemmx dubju li bħalissa ż-żmien propizju biex tkun midħla tal-qasam artistiku lokali, l-iżjed meta tqis il-bosta opportunitajiet miftuħa għaż-żgħażagħ li jridu jħarrġu jew jesebixxu ruħhom f’diversi ġeneri tal-arti. Tul dawn l-aħħar ħames snin it-Toi Toi – il-Programm Edukattiv tat-Teatru Manoel maħluq u b’mod ġenerali mmexxi mill-Konsulenta fl-Edukazzjoni Artistika Rosetta Debattista – qeda rwol strumentali billi offra bosta opportunitajiet bħal dawn. Kien bis-saħħa ta’ dan kollu li matul dawn l-aħħar ftit snin il-programmi Teatru Manoel Youth Opera (TMYO) u Teatru Manoel Youth Theatre (TMYT) komplew jimxu ’l quddiem bis-sħiħ.

F’Settembru ż-żewġ programmi ser jistiednu għadd ta’ kantanti u atturi żgħażagħ għal udjenzi bi prova bi tħejjija għall-istaġun li jmiss li jibda f’Ottubru u jintemm f’Ġunju 2017.

L-udjenzi bi prova għat-Teatru Manoel Youth Opera ser isiru l-Erbgħa 21 ta’ Settembru fl-10:00am. Issa li wasal fir-raba’ staġun, it-TMYO qed ikompli joffri opportunità notevoli lil kantanti żgħażagħ biex jitgħallmu u jesebixxu ruħhom. Il-programm għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rikezza tat-talent operistiku Malti u Għawdxi bil-fini li joffri taħriġ intensiv u esperjenza operistika lil dawk li jixtiequ jmexxu ’l quddiem il-karriera tagħhom ta’ kantanti.

Dan il-programm jipprovdi pjattaforma li fuqha l-kantanti ta’ bejn it-18 u l-35 sena jesebixxu ruħhom fuq bażi semi-professjonali. Kull nhar ta’ Sibt filgħodu l-kantanti żgħażagħ ser iqattgħu bejn sagħtejn u tliet sigħat jesploraw l-aspetti kollha tal-opra permezz ta’ workshops, filwaqt li fost attivitajiet oħra ser ikunu qed jieħdu sehem f’eżekuzzjonijiet operistiċi tal-produzzjonijiet tat-Teatru Manoel.

L-udjenzi bi prova tat-Teatru Manoel Youth Theatre ser isiru nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru fis-2:00pm. IT-TMYT twaqqaf fi Frar 2012 bil-għan li jrawwem atturi żgħażagħ promettenti billi joffrilhom opportunitajiet ta’ taħriġ u ta’ preżentazzjonijiet. Dan il-programm joffri esperjenza ta’ taħriġ u preżentazzjoni lil żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena. Kull Sibt filgħaxija l-membri tal-Youth Theatre jaħdmu tul sessjoni ta’ tliet sigħat ma’ diretturi, koreografi, mużiċisti, disinjaturi u tekniċi professjonali fi klassijiet avanzati mtella’ minn kumpaniji ta’ fama dinjija bħal Les Enfants Terribles. It-tutur ewlieni tas-sessjonijiet li t-TMYT tħejji kull ġimgħa hija Denise Mulholland.

Biex tikseb il-pakkett sħiħ tat-tagħrif tat-TMYO jew tat-TMYT ibgħat email fuq [email protected].