Is-serje Utopian Nights jipprovdu pjattaforma għall-immaġinazzjoni kollettiva mill-ġdid ta’ erba’ temi kotemporanji: l-ispostament, il-fruntieri, l-ikkampjar u ż-żieda tar-riżorsi globali. Il-katalist tas-serje huwa l-kunċett ta’ Utopja. Hawnhekk, Utopja hija essenzjalment spazju demokratiku – huwa pjattaforma għad-diskussjoni u proġett parteċipattiv li fih kulħadd jista’ jiddibatti, jisfida u jiġi sfidat b’mod ugwali. Matul kull serata il-pubbliku huwa mistieden biex jinvolvi ruħu ma’ xogħol artistiku speċifiku, u jiddiskutih ma’ ħassieba lokali u internazzjonali. Il-qofol ta’ kull Serata se jwassal għal ġabra soċjali ferriħija, li tipprovdi lill-artisti, il-ħassieba u l-pubbliku b’opportunità biex jieħdu sehem f’esperjenza komuni.
L-ewwel serata mis-serje, “Spostament”, se ssir nhar is-Sibt 29 ta’ Lulju 2017 fis-6pm f’żewġ postijiet differenti: Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta u fil-Ġnien Herbert Ganado fil-Furjana. Is-serata se tibda bl-artist Niġerjan Jelili Atiku, li se jippreżenta prestazzjoni dwar l-ispostament quddiem il-monument tal-migrazzjoni li jinsab fi Pjazza Kastilja. Din il-prestazzjoni unika se tkun ir-riżultat tar-residenza artistika ta’ Jelili f’Malta.
L-udjenza mbagħad se timxi għall-Ġnien Herbert Ganado fejn se jsir dibattitu. Fl-entrata, se tindaqq mużika ambjentali mill-belt ta’ Lagos, in-Niġerja, li hija rrekordjata u prodotta mill-artist Niġerjan Emeka Ogboh, u b’hekk l-udjenza se tesperjenza l-awdjo-spostament permezz li trid tgħaddi minn ambjent ta’ ħsejjes barranin.
Id-dibattitu se jibda fit-8pm fil-ġonna u se jkun l-okkażjoni biex jiġu diskussi x-xogħlijiet preżenti tal-artisti Jelili Atiku u Emeka Ogboh mal-attur u direttur artistiku Taljan Domenico Castaldo u l-antropologu Prof. Paul Clough mill-Università ta’ Malta. Iż-żewġ kelliema se jikkonfrontaw l-esperjenzi estetiċi u l-ħsibijiet tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-ispostament mal-pubbliku.
Il-parti finali tas-serata se tinkludi festin b’xejn fil-ġnien, bil-parteċipazzjoni ta’ rapper Kenjan ibbażat f’Malta, Abbas Kubaff, segwit minn 2 DJ sets minn Emeka Ogboh u Julien Vinet.