Il-Valletta Film Festival huwa l-ikbar avveniment ċinematiku f’Malta, li juri madwar erbgħin film twil u ħamsa u għoxrin film qasir fi swali taċ-ċinema fuq ġewwa u fuq barra madwar il-belt. Il-festival, li se jsir bejn it-8 ta’ Ġunju u s-17 ta’ Ġunju 2018, huwa magħmul minn tliet taqsimiet kompetittivi aġġudikati minn ġuriji internazzjonali u numru ta’ taqsimiet li jiffokaw fuq films minn gżejjer differenti madwar id-dinja, iċ-ċinema coming-of-age u esibizzjoni ddedikata lil direttur tal-films stabbilit.

Taqsima oħra intitolata ‘Without Borders’ – li tiffoka fuq reġjun dinji differenti kull sena – se tinkludi ċ-ċinema tal-Ażja tal-Lvant. Konferenza biennali dwar iċ-Ċinema tan-Nazzjonijiet iż-Żgħar se ssir ukoll matul il-festival tal- 2018, flimkien ma’ serje ta’ taħditiet, dibattiti, workshops u attivitajiet oħra li jagħmluha attività kontemporanja u rilevanti fi ħdan il-Kapitali Ewropea tal-Kultura tagħna.