Kull sena, il-Valletta Green Festival jittrasforma wieħed mill-akbar spazji miftuħa fil-Belt Valletta, Pjazza San Ġorġ, bil-karatteristika kkulurita tiegħu – tapit iffjurit enormi, magħmul minn madwar 150,000 pjanta. Programm ta’ kull sena ta’ attivitajiet għall-familja li jsiru fil-belt kapitali u f’postijiet oħrajn għenu biex jistabbilixxu lil dan il-festival tant maħbub, mifrux fuq tmiem il-ġimgħa, bħala pjattaforma divertenti u aċċessibbli għal inizjattivi li jippromwovu l-kuxjenza ambjentali fil-Gżejjer Maltin.

Il-festival, li se jsir bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju 2018, joffri wkoll ħarsiet rari lejn xi wħud mit-teżori ftit magħrufa tal-belt kapitali, inkluż il-ġonna ta’ erba’ mitt sena tal-Palazz tal-Arċisqof u l-Kunvent ta’ Santa Katerina.

Din is-sena, il-pjazza se tiġi ttrasformata fi ġnien, fejn il-pubbliku jista’ jimxi fi Pjazza San Ġorġ fost il-fjuri.

Se jkun hemm Ġnien tal-Bejt fil-bejt tal-Main Guard, biex iċ-ċittadini tal-Belt Valletta u ta’ Malta jingħataw idea kif jistgħu jagħmlu dan it-tip ta’ ġnien fuq il-bjut tagħhom stess. Hekk kif wieħed jinżel minn fuq il-bejt, se jkun hemm stand fejn se jiġi spjegat kif wieħed jista’ jagħmel dan il-ġnien tal-bejt, u eżempji ta’ kif se jiġi magħmul ġnien tal-bejt fil-Valletta Design Cluster.

Matul il-Valletta Green Festival, il-Fondazzjoni Valletta 2018 bil-kollaborazzjoni ta’ Nextbike, se joffru voucher code (863386) lil persuni li jżuru l-festival. Dan il-code jista’ jintuża darbtejn kuljum matul id-durata tal-Festival, biex ikunu jistgħu jużaw rota u jduru madwar il-Belt Valletta. Żur din il-paġna għal aktar dettalji.

Solar Cinema se jkunu qed joffru workshops tal-film stop-motion għat-tfal, b’tema ambjentali grazzi għall-użu ta’ materjali riċiklati. Il-workshops se jsiru matul il-Festival fit-3, l-4 u l-5 ta’ Mejju bejn id-9am-12.30pm.

Il-programm tal-avvenimenti:

Il-Ħamis 3 ta’ Mejju:

Ġnien tal-Bejt miftuħ mid-9.30am – 7.30pm

Pjazza San Ġorġ miftuħa mid-9:30am – 20:00pm

Tined: Solar Cinema & NGO’s (Birdlife, Żibel, Sharklab, Gaia Foundation) + China Cultural Centre in Malta + Waste Serve + ELC + Garby & Tidy + National Parks + ERA 9.30am ’il quddiem

Il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju:

Ġnien tal-Bejt u Pjazza San Ġorġ miftuħa bħal hawn fuq

& il-postijiet t’hawn taħt miftuħa mid-9.30am – 12.30 & 4pm – 7pm

Ġnien ta’ San Duminku (dħul għall-Ġnien ta’ San Duminku u r-refettorju l-antik – restawrat riċentement għall-istat oriġinali tiegħu – se jkun minn Triq San Duminku)

Il-Knisja ta’ Santu Wistin u l-Ġnien + fondazzjonijiet tal-knisja li ġiet skoperta riċentement (dħul lejn il-ġnien minn Triq l-Ifran, filwaqt li d-dħul minn Triq Zekka jwassal għall-fondazzjonijiet tal-knisja u wara l-ġnien – parti mill-knisja skoperta riċentement tkun viżibbli wkoll minn hawn)

Il-Monasteru ta’ Santa Katerina (dħul għal-livell ta’ taħt l-art minn Triq San Kristofru, bl-aċċess għall-ġnien fejn wieħed se jkun jista’ jara ż-żona li kienet tintuża bħala ħabs u l-kripta)

Il-Palazz tal-Arċisqof + il-Ġnien (Dħul minn Triq l-Arċisqof u Triq Zekka. Il-livell tas-sular t’isfel, il-ġnien u ċ-ċisterni tal-ilma taħt l-art bl-unika ilma jnixxi fil-Belt Valletta se jkunu miftuħa għall-pubbliku)

Is-Sibt 5 ta’ Mejju:

Ġnien tal-Bejt u Pjazza San Ġorġ miftuħa bħal hawn fuq

Ġonna u Palazz miftuħa bħal hawn fuq

+

Xarulù se jkunu qed iqajmu briju għal sagħtejn filgħodu: se jimxu mill-Parlament sa Pjazza San Ġorġ minn 10am – nofsinhar

Solar Cinema se jkunu qed juru film qasir, kif ukoll ftit minn dak li ġie prodott fil-workshops fil-pjazza mit-8.30PM ’il quddiem

Il-Ħadd 6 ta’ Mejju

Ġnien tal-Bejt u Pjazza San Ġorġ miftuħa bħal hawn fuq

Ġonna u Palazz miftuħa bħal hawn fuq

Il-Ġnien tal-Bejt fil-Main Guard se jkun miftuħ mill-Ħamis 3 ta’ Mejju sal-Ħadd 13 ta’ Mejju u huwa miftuħ bejn id-9.30am-12.30pm & 12.30 – 7pm. Dan il-proġett huwa kollaborazzjoni ta’ Valletta 2018 mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, l-Environmental Landscaping Consortium (ELC); id-Dipartiment PARKS, bħala parti mill-kampanja Tree 4 U (34U); WasteServ Malta Ltd; European Green Week u diversi NGOs ambjentali lokali.