Il-Valletta International Baroque Festival twaqqaf fl-2013 sabiex jinħoloq avveniment annwali li kull Jannar jiċċelebra l-Belt Valletta bħala belt barokka kwintessenzjali. Għaldaqstant matul ħmistax il-jum ta’ stravaganza mużikali l-Festival juża għadd ta’ postijiet Barokki u storiċi sabiex jiċċelebra l-grandjożità aristokratika tal-belt kapitali ta’ Malta.
Mill-ewwel edizzjoni tiegħu ’l hawn ippreżenta artisti internazzjonali bħal Mahan Esfahani, Philippe Herreweghe, Jordi Savall, Iestyn Davies u Christophe Rousset. Il-Festival ħoloq ukoll il-Valletta International Baroque Ensemble (VIBE) bil-għan li jkollu wkoll grupp lokali mħarreġ b’mod professjonali li jesebixxi ruħu b’mod storikament korrett u li joħroġ mill-arkivji mużika ‘Maltija’ li kienet inkitbet minn maestri residenti u Taljani għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann u għall-Knisja.
Ġaladarba issa f’pajjiżna resqin żewġ avvenimenti importanti ħafna, voldieri l-Presidenza tal-UE fl-2017 u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tas-sena ta’ wara, il-pjanijiet tal-Valletta International Baroque Festival mhumiex biss qed jaraw fil-bogħod iżda qed ikunu wkoll ambizzjużi. Għaldaqstant sar dak kollu possibbli biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tal-aqwa esponenti kontemporanji tal-Barokk, kemm dawk nazzjonali u kemm dawk internazzjonali.
Il-kalibru għoli tal-programm għandu jagħti lill-Festival l-istatus internazzjonali li jistħoqqlu u jestendi l-mappa Barokka tal-Ewropa lejn Malta.
Għal iktar tagħrif żur is-sit uffiċjali tal-Baroque Festival.