Valletta 2018 għandha l-pjaċir tħabbar workshop interattiv u prattiku għall-għalliema tal-iskejjel primarji. Din l-attività, li ser titmexxa mill-artista u r-rumanziera grafika internazzjonali Karrie Fransman (Penguin Random House, The Guardian u The Times), ser tesplora kif l-għalliema jistgħu jirrakkontaw l-istejjer biex jagħtu l-ħajja suġġetti bħall-istorja, il-letteratura u x-xjenza biex b’hekk tiddaħħal il-kreattività fil-klassijiet.

Matul it-tliet ijiem tal-workshop l-għalliema ser jiskopru kif ir-rakkontar viżiv tal-istejjer jista’ jwassal l-informazzjoni lit-tifal tal-iskola b’mod eċċitanti u stimulanti. Huma ser jiskopru l-istorja tar-rakkontar viżiv tal-istejjer mill-arazzi ta’ Bayeux sal-komiks diġitali u interattivi. Ser jieħdu sehem ukoll f’logħob li jistgħu jużaw fil-klassijiet, jikkompetu biex jibnu sekwenzi kronoloġiċi, jilagħbu b’kards tar-rakkonti, iqattgħu ħin joħolqu l-istejjer grafiċi tagħhom u jistħarrġu kif jistgħu jużaw il-komiks fil-klassijiet. Dawn il-ħiliet, għodod u ideat għandhom jgħinu lill-għalliema biex jaħdmu mal-istudenti tagħhom b’modi iżjed kreattivi.

Il-workshops ser isiru fis-16, id-19 u l-20 ta’ Settembru 2016 bejn it-08.30 u l-12.30. L-indirizz tal-post huwa 11, Triq Mongur, l-Għarb, GRB 1435, Għawdex.

Biex tikseb iżjed tagħrif jew biex tapplika ibgħat email lill-Kordinatriċi Edukattiva tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Angele Galea fuq [email protected].

Il-Fondazzjoni qiegħda toffri dawn il-workshops bħala parti mit-taħriġ inservice għall-għalliema.

 

Dwar l-artista:

Karrie Fransman hija rumanziera grafika u artista tal-komiks. Ir-rakkonti umoristiċi u l-istejjer grafiċi tagħha dehru fil-pubblikazzjonijiet The Guardian, The Times, Time Out, The Telegraph, The New Statesman, The Young Vic, Psychologies Magazine, The Arts Council Create Magazine u The British Red Cross. Ir-rumanz grafiku tagħha ‘The House That Groaned’ ġie ppubblikat minn Penguin Random House’s Square Peg u ntlaqa’ b’tifħir mid-direttur ċinematografiku Nicolas Roeg. Il-ġurnal The Observer għażlu bħala r-Rumanz Grafiku tax-Xahar. Ħolqot il-komik ‘Over, Under, Sideways, Down’ dwar refuġjat adoloxxenti Iranjan għas-soċjetà The British Red Cross, ħolqot stallazzjoni għall-British Council u għas-Southbank Centre u tqabbdet ukoll tagħmel ‘Selves Portrait’ biex tesebih fil-Manchester Art Gallery u fin-National Portrait Gallery. Ir-rumanz grafiku tagħha ‘Death of the Artist’ u ġie ppubblikat minn Jonathan Cape u ngħata għotja ta’ flus mill-Kunsill tal-Arti tal-Ingilterra. Ir-rumanz ingħata l-premju ‘Best Graphic Novel of 2015’ mir-rivista onlajn Broken Frontier u l-ġurnal The Observer elenkah bħala wieħed mill-aqwa rumanzi grafiċi tal-2015.

Organizzat u tkellmet f’workshops għal The Guardian Masterclasses, TEDx, Central Saint Martins, The Hay Festival, The British Council, The Big Draw, House of Illustration, Institute Francais, London College of Communications, ARVON, The Free Word Centre, Scottish PEN, Latitude Festival, The Institute of Contemporary Arts u l-British Library, u ppreżentat ix-xogħol tagħha f’diversi pajjiżi fosthom Spanja, il-Belġju, l-Irlanda, ir-Russja, il-Bangladex, il-Kroazja, Korsika, il-Finlandja, il-Lebanon, Franza u l-Messiku.

Tista’ ssegwiha fuq Twitter @KarrieFransman. Biex tara iżjed xogħol tagħha żur is-sit elettroniku www.karriefransman.com.


Paġni relatati dwar l-artista

L-artista fid-dar tagħha

Eżempji tax-xogħol tagħha

Taħdita fuq il-komiks mat-TEDx